– Joe Giglio, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio sostna fil-Parlament li l-emendi tal-Gvern ma bidlux is-sitwazzjoni negattiva li impona l-Gvern bl-avviż legali dwar l-art agrikola.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-mozzjoni diskussa tressqet mill-PN għaliex hemm riservi kbar dwar ir-regolamenti sussidjarji u l-emendi li ressaq il-Gvern ma jbiddlu xejn mit-tħassib li għandha l-Oppożizzjoni. Hu tkellem dwar l-avviż legali li jispeċifika li jekk art ma tkunx qed tinħadem, l-Awtorità tar-Riżorsi tista’ tieħu pussess tal-art u tassenja lil ħaddieħor biex jaħdmuha huma.
Ir-regolamenti jispeċifikaw li s-sid jista’ jagħmel proċedura biex jirreġistra l-art li tkun ittiħditlu bl-ispejjeż kollha li tkun għamlet l-Awtorità tar-Riżorsi. Dan hu aġir antikostituzzjonali mill-Awtorità tar-Riżorsi, sostna Joe Giglio, li kompla li s-sid ikollu jħallas ukoll il-penali u l-multi li tkun għamlet l-Awtorità.
Dan mhuwiex il-mod li tkun salvagwardjata l-art agrikola, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-Kamra Notarili esprimiet it-tħassib tagħha dwar kif din il-liġi daħlet fis-seħħ.
It-tħassib kien li s-sidien tal-art iridu jħaddmu l-art anki jekk mhumiex bdiewa, irrispettaviment miċ-ċirkostanzi personali tagħhom. Il-Kunsill Notarili spjega li dawn il-miżuri jeradikaw id-drittijiet tas-sidien; ma’ dan qablu l-FKNK, San Umbertu, il-Kamra tal-Avukati u d-dilettanti tal-logħob tan-nar.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li dawn ir-regolamenti daħlu permezz ta’ avviż legali u għalhekk ma setgħetx issir diskussjoni parlamentari. Hemm nuqqas totali ta’ trasparenza dwar l-użu tal-art agrikola, sostna Joe Gigilio, li sostna li dan l-avviż legali jmur kontra kull prinċipji tad-drittijiet tal-użu tal-art.
Joe Gigilio qal li dan l-avviż legali sar bla konsultazzjoni.
//= $special ?>

