Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky , ftit tas-sigħat ilu, kellu laqgħa mal-Papa Ljun Erbatax fir-residenza tal-Kap tal-Kattoliċi f’Castel Gandolfo, lejn il-limiti ta’ Ruma.
L-Uffiċċju tas-Santa Sede, wara, ħareġ stqarrija fejn fisser din il-laqgħa bħala waħda kordjali u li d-diskussjonijet ikkonċentraw fil-parti kbira fuq il-Gwerra tal-Ukrajna.
Zelensky, fil-preżent, qed jagħmel l-almu tiegħu biex jikseb aktar appoġġ mingħand l-Ewropa…Dan meta hu qed iħejji biex jippreżenta lill-Istati Uniti bil-kontro-proposti tiegħu għall-paċi fl-artijiet Ukreni…Impenn li hu ferm mistenni wara li ma waslet imkien l-inizjattiva għall-paċi oriġinali tal-Amerikani li kienet wisq favorevoli għar-Russja ta’ Vladimir Putin.
Min-naħa tiegħu, il-Papa Ljun kompla jinsisti bil-messaġġ għall-paċi globali u fejn fuq kollox ħeġġeġ għall-għaqda u d-djalogu.
Dan ukoll meta r-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja u Franza, għadhom qed jappoġġjaw bis-sħiħ l-isforzi tal-Ukrajna biex tikseb il-garanziji formali ta’ sigurtà bil-għan li, fil-futur, ma ssofrix mill-ġdid spinta oħra ta’ aggressjoni mir-Russja.
Zelensky, li, bħalissa, għaddej b’diversi żjarat bħala parti minn kampanja diplomatika intensiva, kellu wkoll laqgħa mal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni fejn huma diskutew is-sitwazzjoni li qed tħasseb sew lill-Ewropa kollha,
Giorgia Meloni, intant, hi fost il-Mexxejja Ewropej li, fl-aħħar xhur, baqgħu konsistenti fl-appoġġ lill-Ukrajna u d-dritt tal-Ukreni li jamministraw l-affarijiet tagħhom bħala pajjiż indipendenti u sovran,… Dan waqt li hi, matul il-laqgħa ma’ Zelensky, tenniet għal darb’oħra l-appoġġ tagħha lill-Gvern ta’ Kiev.
Fil-fatt, l-appoġġ għall-Ukrajna mill-potenzi tal-Punent mill-ġdid kien enfasizzat fil-bidu tal-ġimgħa, meta l-Mexxejja tar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja ltaqgħu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku. Keir Starmer, għal-laqgħat importanti oħra ma’ Zelensky. L-appoġġ għall-Ukrajna kien ukolll rifless waqt laqgħat oħrajn, fi Brussell, bejn il-President Ukren u l-Kapijiet tal-Unjoni Ewropea u n-NATO.
‘L-ebda konċessjonijiet territorjali…’
L-Ukrajna qed tagħmel minn kollox biex ma tbaxxix rasha għad-domandi tar-Russja u Vladimir Putin – u meta l-Kremlin qed jinsisti għall-konċessjonijiet territorjali (min-naħa tal-Ukreni) biex imqar jikkunsidra l-proposti għall-paċi…Dan fi żmien meta l-gwerra fl-Ukrajna qed tavviċina r-raba’ sena ta’ konflitti u dmija bla heda.
Il-pjan għall-paċi rivedut li l-Ukreni jridu jressqu lill-Istati Uniti jelimina l-possibbiltà li huma jċedu l-art lir-Russi volontarjament.
Intant, il-President Zelensky għamilha ċara li ma għandu l-ebda dritt li jċedi l-art tal-Ukreni taħt il-liġijiet ta’ pajjiżu u l-liġijiet internazzjonali. Hu kompla li lanqas il-Kostituzzjoni tal-Ukrajna ma tippermetti pass fuq dan il-livell għall-iskaptu tal-poplu.
Fil-preżent, hemm l-inkwiet li l-Istati Uniti tkompli tinsisti għal pjan ta’ paċi li tħalli lill-Ukrajna vulnerabbli għal invażjoni oħra mill-qawwiet ta’ Putin.
U fl-aħħar sigħat ukoll, il-gwerra fl-Ukrajna kienet qed tkompli bl-istess intensità, bil-qawwiet Russi jisparaw mewġa ta’ drones lejn il-belt ta’ Sumy, fil-Majjistral tal-Ukrajna.
Numru minn dawn id-drones laqtu diversi faċilitajiet ċivili, fosthom l-infrastruttura għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u bir-riżultat li r-residenti f’din il-belt damu sigħat sħaħ mingħajr provvista tad-dawl.
Il-qawwiet Russi, fl-aħħar iljieli, żiedu l-attakki mill-ajru fuq iz-zoni tar-residenti Ukreni, bl-aħħar rapporti jsostnu li l-awtoritjiet f’Sumy kienu qed jivverifikaw l-aħħar ċifra tal-vittmi u l-midruba.
//= $special ?>

