Lokali

“Malta tibqa’ kommessa favur il-paċi madwar id-dinja”

Malta minn dejjem kienet kommessa għall-paċi globali u d-djalogu. Dawn kienu u għadhom prinċipji li jiddefinixxu lil pajjiżna fin-Nazzjonijiet Uniti.

Hekk stqarr l-Ispeaker Anglu Farrugia waqt żjara li qed jagħmel din il-ġimgħa fi New York, fejn indirizza ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Malta Day – avveniment li kien organizzat mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Uniti u l-Konslu Ġenerali għal New York.

L-Ispeaker irringrazzja lill-ambaxxatriċi Natasha Meli u lill-Konslu Denise Demicoli għad-dedikazzjoni tagħhom biex jirrapreżentaw lil malta fuq livell dinji.

Hawn, Anglu Farrugia tkellem dwar il-valuri li jagħmluna Maltin u li jikkaratterizaw l-identità tagħna. dan filwaqt illi insista li pajjiżna għandu jibqa’ fuq quddiem nett biex jimbotta temi bħalma huma l-bidla fil-klima, il-protezzjoni tal-baħar, u l-ħarsien tat-tfal f’zoni ta’ kunflitt.

Fi tmiem l-attività, Anglu Farrugia irringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin kollha li laqgħuh fi New York.