Lokali

Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri jniedu l-kanzunetta “Qed Jinfirex mal-Widien”

Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri niedew il-kanzunetta “Qed Jinfirex mal-Widien”. Din id-diska hija interpretazzjoni bil-Malti ta’ “Gloria in Excelsis Deo”, fuq lirika ta’ Dun Ġ. Camilleri, u imwassla bil-vuċijiet stabbiliti fix-xena tal-mużika lokali, dawk ta’ Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri. L-arranġament mużikali huwa ta’ Andrew Zammit minn Tone Studios, filwaqt li l-video ġie ffilmjat minn Marlon Polidano fil-kappella storika ta’ Sant’Agatha fir-Rabat, li toħloq sfond ta’ kwiet u rispett.

Matul l-aħħar snin, Mark u Debbie bnew relazzjoni mużikali li nibtet b’mod naturali tant li preżentaw xogħlijiet li niżlu tajjeb ħafna. Fosthom insibu “Meravilja” u “Kanvas”, li wrew kemm id-dwett tagħhom għandu ton u identità li taħdem sew. “Qed Jinfirex mal-Widien” tkompli din il-kollaborazzjoni, b’interpretazzjoni li tirrispetta l-kanzunetta oriġinali u fl-istess ħin toħloq atmosfera intima u serena.

Mark u Debbie bħalissa qed iħejju ruħhom ukoll għall-parteċipazzjoni tagħhom f’Mużika Mużika 2026 bil-kanzunetta “Jekk Forsi”, fuq mużika ta’ Mark Spiteri Lucas u lirika ta’ Emil Calleja Bayliss. Pass ieħor fil-vjaġġ tagħhom bħala dwett.