Raġel tressaq il-Qorti wara li ġie arrestat il-Ħamis filgħaxija fuq akkużi relatati ma’ fastidju, theddid u vjolenza domestika permezz ta’ telefonati u messaġġi diretti lejn l-eks sieħba tiegħu li hi ta’ nazzjonalità Maltija. L-akkużat li għandu 33 sena qal li jgħix Malta u jaħdem bħala ‘web developer’ u li huwa residenti f’Dar Papa Franġisku f’ Birkirkara.
Il-qorti preseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi semgħet kif il-mara għamlet żewġ rapporti separati fi żmien jumejn, l-aħħar wieħed fis-6 ta’ Diċembru fit-8.30pm, wara li l-akkużat baqa’ jikkuntattjaha għal xhur sħaħ — minn Marzu sa Diċembru — minkejja li kienet talbitu ripetutament biex jieqaf.
L-Ispettur Chrstian Cauchi qal li dan kien bagħatilha messaġġi minn seba’ numri differenti u anke mar fejn ix-xogħol tagħha u għamel theddida serja meta qalilha li “se jilħaqilha saliba” u aktar tard “se neqridlek ħajtek”. F’kelma waħda l-akkużat ma aċċetta bl-ebda mod li l-mar ma tridx tkompli bir-relazzjoni tagħha miegħu.
Huwa mar ukoll quddiem ir-residenza tal-mara u li l-Pulizija marru fuq il-post u sabu lill-akkużat hemm. Huma qalulu biex jitlaq minn fuq il-post u ġie eskortat sakemm wasal fil-post fejn joqgħod, f’Dar Papa Franġisku, fejn jgħix bħala resident.
L-Ispettur irrimarka wkoll li l-akkużat għandu obbligu jiffirma kuljum l-għassa tal-Birkirkara minħabba każ ieħor pendenti, iżda ma marx jiffirma dak il-jum. Ladarba tpoġġa taħt arrest, il-Pulizija li marru fejn jgħix biex jarrestawh għax kien qalilhom li m’għandux flus u trasport biex imur l-Għassa, infurmwah bir-raġuni tal-arrest kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. L-Ispettur qal li l-akkużat fehem id-drittijiet tiegħu u ma kkontestax il-proċedura tal-arrest.
Id-difiża, immexxija mill-Avukat Peter Fenech, sostniet bħala prinċipju li l-arrest mhux neċessarju, billi ma seħħx ebda att fiżiku u l-allegazzjonijiet kienu jikkonċernaw biss messaġġi u insulti bħal diżpreġattivi bl-Ingliż.
L-avukat żied li l-akkużat ma għandux flus jew vettura u li f’każ preċedenti baqa’ jistenna sitt xhur sakemm ingħata l-ħelsien mill-arrest. Huwa ċċita wkoll il-kawża tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Pullicino fuq qtil fejn ukoll ingħad ukoll li d-dritt tal-ħelsien mill-arrest dritt fundamentali għall-libertà anki f’każijiet serji bħal qtil, kif ukoll ħareġ mill-kawża li kkwota.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għax l-allegata vittma għadha ma xehditx u għaliex l-akkużat kien diġà kiser kundizzjonijiet tal-qorti. L-Ispettur esprima t-tħassib li l-akkużat seta’ jerġa’ jikkuntattjaha, speċjalment fid-dawl tal-fatt li kien ċempilha minn seba’ mobajls differenti.
L-Avukat Peter Fenech qal li l-akkużi huma biss dwar insulti u li ma kienx hemm ebda vjolenza fiżika b’rabta mal-każ. Il-partijiet għamlu trattazzjoni twila dwar il-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Kevan Azzopardi wkoll jistaqsi diversi mistoqsijiet biex jara jekk l-akkużat jimmeritahx li jingħata l-pleġġ.
L-akkużi fil-konfront tar-raġel kienu li bejn l-Erbgħa, 3 ta’ Diċembru u s-Sibt 6 ta’ Diċembru huwa ffastidja lill-eks sieħba tiegħu, li segwiha, li kkaġunalha biża’ li se titwettaq vjolenza fuqha jew fuq il-familjari tagħha, li mmalafamha, nġurjaha u li ħareġ barra mill-limiti ta’ provokazzjoni.
Wara li nqraw l-akkużi d-difiża kkontestat l-validita tal-arrest tal-akkużat, iżda wara li semgħet lill-prosekuzzjoni l-Qorti ddeċidiet li l-arrest kien wieħed validu. F’ċertu ħin il-Qorti talbet lill-partijiet jersqu lejn is-sedja sabiex titkellem magħhom privatament.
Wara li rat il-provi, il-Qorti kkonkludiet li l-akkużat issa hu konxju b’mod ċar li ma jistax ikellem lill-vittma, u għaldaqstant laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti ħafna. Il-Qorti ordnat li: li l-akkużat jiffirma kuljum fl-għassa. Joqgħod Papa Franġisku bejn it-8am u t-8pm. Garanzija personali ta’ €5,000 mingħajr depożitu.
Ordni stretta biex ma jikkuntattjax lil eks sieħba tiegħu jew lix-xhieda u li jekk jagħmel dan ikun qed jiffaċċa ħabs immedjat jew anke jekk sempliċiment jersaq lejha. Jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament u josserva l-istruzzjonijiet ta’ Dar Papa Franġisku, li tagħmel parti mill-Caritas u li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara
Il-Maġistrat qallu “jekk tikser il-bail, tkun qed taħfer il-ħofra tiegħek” u li kwalunkwe ksur iwassal għal ħabs u multa. L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha kif dedotti. Għalih deheru l-Avukati Peter Fenech u Nathalia Camilleri, filwaqt li l-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Chrstian Cauchi.
//= $special ?>

