Lokali Qorti

Mixli li mporta f’Malta 20 kilo tal-pjanta khat

Raġel ta’ 51 sena mwieled is-Somalja li ġie arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nhar il-Ħadd li għadda fuq suspett li daħħal fil-pajjiż 20 kilo ta’ khat, pjanta Afrikana magħrufa għall-effett stimulanti tagħha meta tiġi kkunsmata, tressaq il-Qorti t-Tlieta filgħodu. Huwa ġie mixli li mporta din id-droga f’Malta għal skop ta’ traffikar.

Il-Pulizija qalet li ċ-ċittadin Ingliż residenti Manchester ġie mwaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana hekk kif wasal minn titjira li kienet ġejja minn Manchester. Waqt tfittxija fuq il-bagalji tiegħu, l-uffiċjali sabu 100 pakkett tal-pjanta suspettata li kellhom valur madwar €8,000 fis-suq.

L-akkużat, Abdikadir Mohammed li joqgħod Manchester u jaħdem bħala sewwieq ta’ taxi, tressaq il-Qorti nhar it-Tlieta filgħodu. Hu kien arrestat mill-Ispettur John Leigh Howard, li nforma lill-Maġistrat dwar l-arrest. L-akkkużat ma kkontestax il-validità tal-arrest iżda wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija wkoll mill-Avukat Julian Scicluna, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużat.

L-ordni ta’ ffriżar tkopri l-flus, il-proprjetà u kwalunkwe assi ieħor tiegħu, u tibqa’ fis-seħħ għall-bqija tal-proċeduri. F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda d-difiża qalet li hija mistennija li din issir aktar ’il quddiem hekk kif il-proċeduri jimxu ’l quddiem.