Adrian Delia
Shadow Minsiter tal-Finanzi
Dik hija dikjarazzjoni politika. Dak huwa sinjal. Sinjal li hemm xi ħaġa li forsi mhux konvenjenti tidher.
U f’Malta, f’dawn l-aħħar ġimgħat, dan il-kuntest sar saħansitra aktar skomdu għall-Gvern. Għax il-każijiet u t-tilwim li fihom spiċċa mdaħħal il-Ministru Roderick Galdes mhux biss qed jagħmlu ħsara individwali, iżda qed jaqilgħu dubji profondi fuq il-kultura politika u fuq il-mentalità tal-Gvern Laburista, mentalità ta’ segratezza, ta’ kontroll tal-informazzjoni u ta’ nuqqas ta’ trasparenza fil-mumenti meta t-trasparenza tkun meħtieġa l-iktar.
Il-Prim Ministru ħafna drabi jitkellem dwar fiduċja. Fiduċja fil-Gvern tiegħu, fiduċja fl-istituzzjonijiet, fiduċja fil-mod kif qed imexxi. Imma fiduċja ma tinbeniex fuq kliem. Dik tinbena fuq l-għemil. U meta l-Prim Ministru jkun wieħed mill-ftit mexxejja fl-Ewropa li ma jippubblikax regolarment l-assi tiegħu u ta’ sħabu, huwa qed ikisser dak li jippretendi li jibni, il-fiduċja.
Il-pubblikazzjoni tal-assi mhix xi kapriċċ tal-Oppożizzjoni
Hija prattika demokratika standard f’pajjiżi serji. Hi ħaġa bażika fi stat li għandu għal qalbu l-governanza tajba. U speċjalment f’pajjiż bħal tagħna, fejn il-korruzzjoni kienet tema ċentrali fl-aħħar għaxar snin, il-pubblikazzjoni tal-assi għandha tkun obbligatorja u immedjata.
Meta l-Prim Ministru jevita dan l-att minimu ta’ trasparenza, x’sinjal qed jibgħat? Li hemm xi ħaġa li għandu jevita li tara d-dawl.
Il-każijiet u l-kontroversji li jikkonċernaw lil Roderick Galdes mhumiex żgħar, lanqas sporadiċi. Huma fatturi li jindikaw nuqqas strutturat ta’ governanza, ta’ kontroll u ta’ serjetà fil-mod kif il-Gvern jaħtar, jissorvelja u jiddixxiplina lill-ministri tiegħu.
Fejn hemm ministru taħt investigazzjoni jew taħt dell politiku serju gvern responsabbli jġib magħruf il-fatti, iżomm mal-impenn ta’ kontabbiltà u jkun lest li jieħu passi politiċi ċari jekk ikun hemm bżonn. Imma mhux dan il-każ.
U proprju għalhekk, ħafna qegħdin jgħidu li l-Prim Ministru ma jrid xejn li jpoġġi lilu nnifsu taħt iktar skrutinju, għax il-pubblikazzjoni tal-assi tiegħu u ta’ sħabu tista’ tqajjem mistoqsijiet bħalma tqajjem il-każ ‘Galdes’
Roderick Galdes sar simbolu ta’ kultura politika li ma tridx tinbidel
U l-mod kif il-Gvern qed jipproteġih, jew bil-maqlub qed jagħlaq għajnejh għall-konsegwenzi, jagħti l-impressjoni li l-Prim Ministru qed jaħdem iktar biex jipproteġi lill-kollegi tiegħu milli biex jipproteġi l-integrità tal-pajjiż.
Meta Gvern jibża’ jippubblika l-assi, dan mhux sinjal li jibża’ mill-Oppożizzjoni. Huwa sinjal li jibża’ mill-verità. Biex pajjiż ikollu governanza tajba l-mexxej għandu jkun l-eżempju prinċipali u l-ewwel wieħed li juri minn fejn ġejjin l-assi tiegħu, kif żdiedu, u x’għandu.
U l-poplu jaf x’jiġri meta politiku jibża’ juri l-patrimonju tiegħu, ġeneralment għax jaf li meta tidħol il-lenti tal-pubbliku, xi ħaġa tinxtered. Xi ħaġa toħroġ. Xi ħaġa tiġi sfidata. Il-problema mhix jekk il-Prim Ministru għandux ħafna jew ftit. Il-problema hi jekk għandux xi ħaġa li ma tridx tinkixef quddiem l-istess pubbliku li jagħtih il-poter.
Il-poplu qed jara mudell li jirrepeti ruħu. Jinqala’ każ u l-Gvern jgħid li ma hemm xejn. L-istituzzjonijiet jibdew jitħallew jinvestigaw bil-mod. L-informazzjoni tibqa’ moħbija u wara ftit taż-żmien, tinstab skuża biex l-istorja titwaddab taħt it-tapit. U hekk jgħaddu s-snin.
Il-każ ‘Galde’s huwa kapitlu ġdid f’dan il-mudell. Meta l-Prim Ministru ma jippubblikax l-assi tiegħu u ta’ sħabu, huwa bħal meta jgħid li huwa wkoll se jibqa’ parti minn din il-kultura. U hija kultura li qed tnaqqar il-fiduċja fil-politika.
Il-Prim Ministru għandu poter immens
Poteri ta’ ħatriet, ta’ deċiżjonijiet, ta’ influwenza fuq l-istituzzjonijiet. Għalhekk, il-pubbliku għandu dritt jagħmel verifika fuq l-assi tiegħu u ta’ sħabu. Mhux biss fuq bażi finanzjarja, iżda fuq bażi ta’ kunflitti potenzjali li wieħed jistaqsi.
X’rabtiet finanzjarji jista’ jkollhom? X’investimenti għandhom? Jistgħu dawn jaffettwaw id-deċiżjonijiet tagħhom? Jista’ jkun li xi deċiżjoni politika kienet f’konflitt ma’ interess personali? Dawn huma mistoqsijiet leġittimi u fundamentali għal kull mexxej.
Imma mistoqsijiet li jibqgħu bla tweġiba għax il-Prim Ministru jagħżel li ma jagħtix l-informazzjoni. Jekk il-Prim Ministru ma jridx juri l-assi, il-konklużjoni politika awtomatika hija waħda, hemm xi ħaġa li mhux komdu biha.
Gvern li jgħid li hu progressiv, modern u serju fuq il-governanza ma jistax jibqa’ jżomm kultura fejn il-mexxej jibża’ jippubblika l-assi tiegħu u tal-Ministri madwaru. Ma jistax ikun li ministri jitħallew joħolqu dellijiet serji u lanqas jista’ jkun li l-poplu jibqa’ fit-tama li xi darba xi ħadd jgħid il-verità sħiħa.
Il-każ ‘Galdes’ huwa raġuni tajba għaliex ħafna qed jgħidu li l-Prim Ministru ma jridx aktar skrutinju. U l-evitar tiegħu li jippubblika l-assi jagħmel dan kollu saħansitra aktar suspettuż.
Il-poplu għandu dritt ikun jaf. Il-Gvern għandu dmir jgħid il-verità. U l-Prim Ministru għandu obbligu jagħti eżempju.
Sa ma jiġri dan, il-messaġġ jibqa’ wieħed, il-Gvern qed jipproteġi lilu nnifsu, mhux il-poplu.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 7 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

