Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma
Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
Fl-esperjenzi ta’ bnedmin oħra li missew b’xi mod mal-politika ssib ħafna. Dan sija minn għemilhom kif ukoll aktar mill-kotba li nsibu sija minn dawk stess li ġarrbu kif ukoll dawk li fittxew fi proċess akkademiku tagħhom, li jiktbu.
Hemm fil-fatt minjiera f’dan għad-dispożizzjoni tagħna. Sija dawk li huma fil-kamp kif ukoll dawk li jridu jifhmu dawk li huma fiha x’qed jagħmlu sewwa sew. Però f’dan hemm l-ewwel dawk li jaħsbu li l-istorja tinbidel mertu ta’ mexxejja varji li għexu u fit-tieni dawk li mhumiex daqshekk konvinti minn dan, li l-proċess ta’ żvilupp uman jiddependi fuq ħafna oħrajn. Fl-għarfien sħiħ li l-poplu kollu huwa b’xi mod protagonist. Sija jekk ikun attiv kif ukoll passiv.
Tfittex
Huwa f’dan proċess ta’ tfittxija biex wieħed jifhem aħjar dak li seħħ u aktar dak li fil-fatt qed jiġri quddiemek. Dak li tara, tisma’ u taqra tipprova tagħtih spjegazzjoni loġika u umana. Dan aktar f’dak li jwettqu dawk li għandhom il-poter f’idejhom. Anzi f’demokrazija l-lezzjoni ċara li huma dawk li għandhom ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-poteri tal-Istat. Mhux dominanza imma servizz.
F’dan rajt u qrajt dwar dan is-suġġett. Nibqa’ nemmen li apparti l-fatt li s-suġġett jinteressani sew, hija parti minn dmirjieti bħala deputat li nibqa’ naqra u nsegwi. Dawk li jaħsbu li għandhom ideat ċari fuq kollox isibu li dan mhux minnu. Trid tifhem, u tibdel, tibni mill-ġdid u tirfina wkoll dak li taħseb u dak li tara li huwa l-aħjar fis-soċjetà li għandna.
Kif issir aħjar
Il-proġett kostanti huwa u għandu jibqa’ jkun għalina kif wieħed jista’ jgħin biex jista’ jaġixxi biex il-poplu jgħix f’dinja aħjar. Hemm min jaħseb li dan jista’ jwettqu bi progetti kbar li fihom kulħadd irid jieqaf jammirah jew jitkellem dwaru.
Dak li dawn jaħsbu se jnaqqaxhom fl-eternità storika fejn kulħadd irid jirrikonoxxi ħidmietu. Fil-fatt l-esperjenza kostanti turi li huma passi ferm iżgħar li jagħmlu differenza. Anki jekk dawn ma jingħatawx importanza pubblika xorta ħaqqhom isiru għax jibdlu verament. Mhux biss imma meta tħares lejn l-istorja tal-bniedem tifhem aktar kemm dan huwa minnu u l-proġetti l-kbar apparti milli jieħdu żmienhom biex isiru mhux dejjem jispiċċaw minn dawk li jibdewhom.
Bnedmin varji
F’dan sibtni naqra l-ktieb tal-istoriku u politiku Taljan Piero Melograni (1930-2012). Bniedem interessanti ħafna. Beda l-karriera politika tiegħu fi ħdan il-Partit Komunista Taljan fl-1949. Dan sakemm fl-1956, bir-repressjoni Sovjetika fl-Ungerija u bħala firmatarju tal-Manifest tal-101 kontra dan, minħabba l-pożizzjoni li kien ħa l-istess partit irriżenja.
Wara għamel tletin sena fid-dinja akkademika jistudja u jikteb b’mod partikolari dwar erba’ suġġetti. L-ewwel il-politika tul l-ewwel gwerra dinjija, it-tieni l-faxxiżmu u t-tielet il-komuniżmu, ir-raba’ numru ta’ kompożituri. Qara sew diversi dokumenti u kitbietu huma minjiera analitika ta’ informazzjoni li ftit qraw jew kellhom aċċess għalihom. Aktar interessanti li fl-1996 ġie elett fil-lista indipendenti ta’ Forza Italia, il-partit fiċ-ċentru lemin ta’ Silvio Berlusconi (1936-2023).
Kotba
Għalhekk huwa fil-fatt ripożitorju ta’ informazzjoni u esperjenzi diretti ħafna. Dawk li jittrażmettu aktar propju għax kitbu hija mmexxija minn pinna tajba ħafna u ma tixbax jew tieqafx taqrah.
F’dan aktar però hemm tlieta partikolari li laqtuni. L-ewwel Storia politica della Grande Guerra (1969), it-tieni Saggio sui Potenti (1977), u t-tielet Fascismo, Comunismo e Rivoluzione Industriale (1984).
F’dawn il-jiem ikkonċentrajt aktar u qrajt Saggio sui Potenti (1977). Ktieb li jimmerita attenzjoni partikolari għax jeżamina analitikament dak li diversi mexxejja fl-istorja wettqu. Jibda mill-illużjoni li diversi jikkoltivaw li d-dinja tibda u tispiċċa magħhom. Jitkellem fuq l-injoranza tagħhom, fuq il-poter tal-ekonomija magħhom u fuqhom u l-fissazzjoni li jibnu palazzi u monumenti li jibqgħu xhieda warajhom tal-kobor tagħhom.
Spjegazzjoni
Il-linja kontinwa, tal-awtur hija dik li quddiem d-debolezzi u d-difetti li diversi mexxejja kellhom, li jidentifika, jispjega u jsib f’ħafna jipprova jifhem xi jmexxi l-istorja tad-dinja.
Fil-fatt, il-ktieb huwa proċess politiku lil diversi kif ukoll kontra l-ideat li ssoltu jakkumpanjaw dawk kunsidrati kapijiet. Il-ktieb jiftaħ hekk, “Gli uomini, infatti, divinizzano troppo spesso il potere. Attribuiscono ai capi una faculta pressoche’ illimitata di modificare la storia del mondo. Immaginano che i governanti esercitino un pieno controllo sulla politica, sull’economia, sulle burocrazie, sugli apparati militari. Ma si ingannano. La realta del potere e’ diversa dalle apparenze.”
(Il-bnedmin, fil-fatt, iqiegħdu wisq drabi fuq pedestal il-poter. Jagħtu lill-kapijiet ħafna drabi poter illimitat li jibdlu l-istorja tad-dinja. Jimmaġinaw li l-gvernanti għandhom poter illimitat fuq il-politika, l-ekonomija, il-burokrazija, fuq il-militar. Imma jidħku bihom infushom. Ir-realtà tal-poter hija kompletament differenti mill-apparenzi.)
Punt
Di fatti dawn huma punti li ssibhom magħna llum. L-awtur ikompli fuq din it-tema u jkompli hekk, “Il potere risiede fuori dai palazzi dei capi, nelle grandi forze spirituali e materiali che si agitano nelle società”
(il-poter qiegħed barra mill-palazzi tal-kapijiet, imma fil-forzi kbar spiritwali u materjali li jċaqilqu s-soċjetà) u jżid, “Questa realta stenta a essere conosciuta poiche la grande maggioranza degli uomini vuole essere ingannata sulla natura del potere” (Din il-verità ftit hija magħrufa billi maġġoranża kbira ta’ bnedmin iridu jiġu ingannati fuq in-natura vera tal-poter.)
L-awtur ma jaffermax biss dan imma wara jgħaddi biex janalizza diversi mexxejja bħal Stalin, Hitler u Mussolini wettqu. Minnhom wieħed jifhem aktar kemm jekk ma għandux raġun fis-sħiħ għandu punt mill-aktar validu ta’ kif issir il-politika.
Dan l-artiklu deher f’In–Nazzjon tat-Tlieta 9 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

