Alex Borg
Il-Kap
Partit Nazzjonalista
Bir-raġun kollu li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li Roderick Galdes, il-Ministru tal-Housing, għandu jwarrab minnufih, jew inkella għandu jkun Robert Abela li jġiegħlu jitlaq… almenu sakemm inaddaf ismu.
Fid-dawl tal-aħħar żewġ skandli serji – li qed iħammġu l-integrità ta’ Roderick Galdes u tal-Gvern li jirrappreżenta, waqt li qed itappnu l-fiduċja pubblika fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali – il-Ministru Roderick Galdes għandu jkollu d-diċenza u jirriżenja mill-Kabinett.
L-ewwel każ
L-ewwel każ li ħareġ fil-jiem li għaddew u li jinvolvi lil Roderick Galdes hu dak marbut mal-Malita Investments plc, fejn l-Eks Chairperson tal-kumpanija stess maħtura mill-Gvern Laburista, l-Eks MEP Laburista Marlene Mizzi, f’messaġġ ċar allegat indħil politiku dirett minn Roderick Galdes u rabtiet ma’ kuntratturi li għandhom ftehim ma’ Malita u mal-Awtorità tad-Djar.
L-istess Eks Chairperson tneħħiet mill-kariga wara li qalet li wissiet lill-Ministru dwar l-imġiba tiegħu. Il-Malita hi responsabbli għall-aktar proġetti ta’ importanza nazzjonali f’pajjiżna, li jiswew miljuni ta’ ewro, fosthom proġetti tal-housing soċjali. Dwar dan l-iskandlu l-PN diġà talab investigazzjoni mill-Awditur
It-tieni każ
It-tieni każ, agħar mill-ewwel wieħed, huwa l-akkwist ta’ deluxe penthouse, bl-arja, bil-jacuzzi, u b’garaxx f’Għawdex għal €140,000 minn Galdes.
Din l-aħbar kienet daqqa ta’ ħarta fuq kull koppja, familja jew żagħżugħ jew żagħżugħa li qed jippruvaw jixtru dar imma li ma jsibux il-bargain li rnexxielu jsibu Roderick Galdes.
Fuq dan l-iskandlu hemm talba għal investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards.
Titwila lejn is-sekwenza ta’ x’ġara
Tajjeb li wieħed jagħti titwila lejn is-sekwenza ta’ kif seħħew l-affarijiet:
Fl-2021 Roderick Galdes jagħmel ftehim bil-kelma dwar penthouse bl-arja, jacuzzi u garaxx ma’ kuntratturi li l-Awtorità tad-Djar tathom miljuni ta’ ewro f’kuntratti għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali
Fl-2024 isir kuntratt ta’ €27 miljun bejn il-Housing u l-kuntratturi li xtara mingħandhom Galdes għal-lease ta’ aktar minn 100 proprjetà, il-maġġor parti tagħhom f’Għawdex
Fl-istess sena, l-2024 ukoll, Galdes jiffirma l-konvenju (promise of sale) fuq l-istess penthouse għal €140,000
Fl-2025, il-Ministru Galdes jiffirma l-kuntratt tax-xiri għall-penthouse tiegħu mingħand l-istess kuntratturi għall-prezz ta’ €140,000 minkejja li stħarriġ riċenti tal-KPMG wera li l-prezz medju ta’ penthouse fis-suq hu ta’ €500,000 – jiġifieri erba’ darbiet aktar.
Tħabbib mal-kuntratturi
Nitlob lill-Prim Ministru jikkonferma l-kuntratt iffirmat għall-għaxar snin fuq proprjetajiet f’Għawdex ma’ din il-kumpanija mill-Awtorità tad-Djar li minnha hu responsabbli Roderick Galdes; u nistaqsi jekk hux aċċettabbli għall-Prim Ministru li fl-istess żmien il-Ministru Roderick Galdes iffirma konvenju biex jixtri proprjetà bi prezz irħis mingħand l-istess kumpanija – speċjalment fid-dawl tal-akkuża ta’ Marlene Mizzi li Roderick Galdes kien qed jitħabbeb mal-kuntratturi.
Nistaqsi wkoll kemm-il appartament kien mikri mill-2020 sal-lum f’Għawdex, kif inkrew u mingħand min, u anke kif intgħażlet din il-kumpanija fuq oħrajn għall-ftehim iffirmat is-sena l-oħra. Staqsa wkoll x’kienu l-offerti l-oħra li daħlu u min kienu l-membri li għażlu offerta minn oħra. Finalment staqsa wkoll x’inhuma l-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni soċjali f’Għawdex u kemm hemm talbiet pendenti għall-housing soċjali f’Għawdex, u kemm mill-applikanti huma Għawdxin.
Dan kollu filwaqt li ż-żgħażagħ qed jitħabtu biex iġemmgħu biex ikollhom għal deposit fuq post, jieħdu self kbir mill-bank u jħallsu prezzijiet li kulma jmur jisparaw ’il fuq, il-Ministru responsabbli mill-Housing qed jakkwista propjetajiet għal kwart il-valur tas-suq. Dan hu privileġġ li jmiss biss lil Roderick Galdes.
Ma jistax iżomm postu
Roderick Galdes ma jistax ikompli jżomm postu bħala Ministru meta għandu fuqu dawn l-akkużi gravissimi, fl-istess waqt li ż-żgħażagħ tagħna qed isibu ħitan għolja biex isiru sidien ta’ darhom.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat bis-sħiħ li jġib sistema ġusta u trasparenti fis-suq tal-proprjetà, fejn l-ewwel prijorità jkunu l-familji u l-first-time buyers, u mhux xi “deal” li jagħti privileġġi speċjali lill-Ministru responsabbli mill-Akkomodazzjoni Soċjali.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 7 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

