Stefan Caruana
Is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv
Partit Nazzjonalista
Matul dawn l-aħħar ġimgħat ikkoordinajt sensiela ta’ laqgħat ma’ diversi persuni li b’xi mod jew ieħor se jkunu qed jagħtu s-sehem tagħhom b’mod volontarju f’sensiela ta’ attivitajiet immirati għall-familja kollha u li se jkunu qed isiru matul dan ix-xahar quddiem u fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Dawn l-attivitajiet se jkunu qed jittellgħu bejn id-9 u l-15 ta’ Diċembru bit-tema tagħhom tkun Milied Miegħek… Villaġġ tal-Milied quddiem u fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
L-iskop ta’ dawn l-inizjattivi hu li nilħqu firxa wiegħsa ta’ Maltin u Għawdxin ħalli flimkien jiċċelebraw l-ispirtu festiv ta’ dawn il-ġranet. Iżda din is-sena Diċembru għalina għandu sinifikat aktar partikulari hekk kif Alex Borg se jkun qiegħed jagħlaq il-mitt jum minn meta ħa t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista f’idejh.
Dan il-jum jaħbat it-Tnejn, 15 ta’ Diċembru meta dakinhar se tittella’ attività tal-massa barra l-bini tad-Dar Ċentrali proprju biex ikun ċelebrat dan il-jum.
Fl-istess jum iżda se jkunu organizzati numru ta’ attivitajiet oħra kemm barra d-Dar Ċentrali PN u anki fil-binja proprja.
Sadattant il-programm ta’ attivitajiet se jkun qed jibda nhar it-Tlieta, id-9 ta’ Diċembru fis-6pm bi ftuħ ta’ wirja ta’ presepji bl-isem ‘In-Nattività’. Dawn il-presepji se jkunu xogħol artistiku ta’ diversi dilettanti li ħadmu fuq dawn il-presepji matul il-ġimgħat u x-xhur li għaddew. Din il-wirja tinkludi wkoll xogħlijiet tal-arti relatati mat-twelid ta’ Ġesù Tarbija.
Attività oħra se tkun wirja tal-arti mtella’ mill-artista lokali Joanne Mizzi. Din se tkun parti wkoll mill-wirjiet li diversi artisti jagħmlu fid-Dar Ċentrali.
Dakinhar ukoll fis-6pm se tipparteċipa banda komposta minn diversi mużiċisti li se jingħaqdu apposta biex iferrħu lin-nies preżenti. Dan grazzi għal numru ta’ żgħażagħ li ħadu din l-inizjattiva.
Fl-istess ħin se tkun inawgurata wkoll area tat-tfal fejn fost dawk li se jkunu preżenti se jkun hemm Santa Klaws u Mother Christmas.
Fis-6.30pm se jkun hemm il-ftuħ uffiċjali mill-Kap Nazzjonalista Alex Borg bil-mixgħela tad-Dar Ċentrali u tal-pjazza tad-Dar Ċentrlai li se tkun qed tinxegħel apposta għal dawn il-jiem ta’ festa.
Sadattant fl-isfond ta’ dan kollu fis-6pm se jinfetħu għadd ġmielu ta’ stands tal-ikel u l-ħelu tradizzjonali abbinat ma’ dawn il-jiem ta’ festi. Se jkun hemm ukoll stands bil-punzjetti, rigali u bi prodotti tipiċi lokali, fosthom il-ġulepp, l-għasel, żebbuġ, tadam imqadded, żejt, larinġ…
Dawn se jkunu qed jieħdu ħsiebhom id-diversi Kumitati Sezzjonali u Fergħat tal-Partit.
Dakinhar fis-7pm se tittella’ kompetizzjoni tal-isbaħ kejk dekorat għall-Milied u fl-istess ħin, fuq palk prinċipali quddiem id-Dar Ċentrali, se tittella’ serata ta’ kant bis-sehem ta’ diversi korijiet u bands li se jkunu qed jikkumplimentaw din is-serata.
L-għada, 10 ta’ Diċembru, il-programm tal-jum ta’ qabel jissokta iżda se tittella’ attività organizzata minn Sarah Bajada bl-isem ‘Dawl fis-Skiet’. Matul din l-inizjattiva, fis-Sala tad-Dar Ċentrali, se ssir diskussjoni b’enfasi dwar dawk il-persuni li għalihom il-Milied ifisser mumenti partikulari fil-ħajja tagħhom u li għalihom il-Milied mhux bilfors li jfisser ferħ.
Nhar il-Ħamis, 11 ta’ Diċembru, fid-9am, jittella’ Coffee Morning b’differenza tal-Milied li se jsir fid-Dar Ċentrali. Il-biljetti huma disponibbli.
Dakinhar filgħaxija, fis-6pm, jissokta l-programm tal-attivitajiet barra u ġewwa d-Dar Ċentrali, u fuq il-palk prinċipali se tittella’ serata ta’ kant, żfin u mużika.
Nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ Diċmebru jissokta jsegwi l-programm, imma fis-7pm se ssir ikla buffett f’ristorant apposta li se jintrama apposta quddiem id-Dar Ċentrali. Din l-attività se jkun jisimha ‘Ikla fil-Pjazza’ u l-biljetti diġà huma disponibbli.
Is-Sibt, 13 ta’ Diċembru l-programm jissokta bil-ftuħ tal-istands u l-wirjiet fil-11am meta jkun organizzat ukoll festin għat-tfal b’animazzjoni, face painting u naturalment bis-sehem ta’ Santa Klaws u Mother Christmas, ta’ diversi korsijiet.
Aktar tard filgħaxija fid-Dar Ċentrali se tittella’ serata ta’ Christmas 60’s Night u fuq barra se jkomplu l-attivitajiet fuq il-palk prinċipali bis-sehem ta’ diversi bands lokali.
Il-Ħadd, 14 ta’ Diċembru hu Jum il-Maratona Ġbir ta’ Fondi. Din tiftaħ f’nofsinhar u tibqa’ sejra sa tard filgħaxija b’diversi attivitajiet kemm ġewwa, fis-Sala tad-Dar Ċentrali u anki barra fuq il-palk prinċipali.
It-Tnejn,15 ta’ Diċembru hu l-Mitt Jum minn meta Alex Borg sar il-Kap il-ġdid tal-Partit. It-tema ta’ din il-ġurnata se tkun: ‘Alex Borg – 100 Jum”. Matul din il-ġurnata se jittellgħu għadd ta’ attivitajiet marbuta ma’ dan il-mitt jum u l-qofol prinċipali se jkun attività tal-massa fis-6pm.
Ta’ min jgħid li matul dawn il-jiem se jittellgħu wkoll diversi lezzjonijiet, fosthom kif persuna tista’ tagħmel jew iżżejjen il-girlanda tradizzjonali tal-Milied.
Għal dawn l-attivitajiet hu importanti li dawk interessati jinkitbu fir-Reception tad-Dar Ċentrali.
Nirringrazzja lill-ħaddiema u lill-voluntieri kollha għas-sehem tagħhom u li f’dawn l-aħħar ġimgħat ħadmu bla heda biex dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu possibbli. Inħeġġeġ lill-pubbliku b’mod inġenerali biex jattendi u jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet organizzati apposta għalihom.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 7 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

