Fil-jiem li għaddew il-Professur Tonio Borg ippreżenta kopja tat-tielet edizzjoni tal-ktieb tiegħu ‘A Commentary on the Constitution of Malta’ lill-President tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana Giovanni Amoroso (ritratt).
F’dan il-ktieb, pubblikazzjoni ta’ Kite Group, Tonio Borg janalizza kull artiklu tal-Kostituzzjoni u jsaħħaħ l-analiżi tiegħu b’deċiżjonijiet tal-Qrati.
Din il-pubblikazzjoni tanalizza l-ġurisprudenza li qed tevolvi tal-Qrati Maltin flimkien mar-riformi kostituzzjonali li saru fl-aħħar snin, fosthom il-ħolqien tal-kariga tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ġudikatura. Il-Professur Borg jindirizza wkoll kwistjonijiet kumplessi dwar l-interpretazzjoni kostituzzjonali ta’ ċerti dispożizzjonijiet.
Kull wieħed mill-124 artiklu tal-Kostituzzjoni hu riprodott u annotat b’mod kritiku, b’referenza estensiva għall-ġurisprudenza Maltija u ta’ Strasburgu, waqt li janalizza l-konverġenzi u d-diverġenzi bejn il-ġurisprudenza Maltija u dik Ewropea.
//= $special ?>

