Lokali Parlament

Regoli li bihom il-gvern se jimpatta negattivament lill-bdiewa u dilettanti tad-delizzji

Toni Bezzina, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina sostna fil-parlament li l-Avviż Legali 150 tal-2025 li nħareġ mill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo fit-28 ta’ Lulju 2025 suppost li kellhom l-għan li jipproteġu l-art agrikola u li minnhom jibbenefika s-settur agrikolu iżda se jimpattaw negattivament lill-bdiewa u dilettanti tat-tradizzjonijiet.

Minkejja dan dawn ir-regolamenti ġew ippubblikati mingħajr l-ebda konsultazzjoni la mal-Oppożizzjoni, lanqas mas-sidien jew possessuri legali ta’ art agrikola, u lanqas ma’ diversi għaqdiet u istituzzjonijiet, fosthom il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazjonisti (FKNK), il-Kaċċaturi San Umbertu, il-Kamra tal-Avukati, il-Kunsill Notarili u d-dilettanti pirotekniċi u għalhekk minflok dawn ir-regolamenti għamlu l-ġid, spiċċaw għamlu aktar ħsara.

Toni Bezzina nnota wkoll kif diversi organizzazzjonijiet ħarġu stqarrijiet pubbliċi jikkritikaw lill-Gvern talli naqas milli jikkonsulta magħhom qabel il-ħruġ ta’ dawn ir-regolamenti. Uħud minn dawn l-organizzazzjonijiet avviċinaw lill-Oppożizzjoni biex jiddiskutu dan in-nuqqas ta’ konsultazzjoni min-naħa tal-Gvern. Fost l-istqarrijiet imsemmija kien hemm dak tal-Kaċċaturi San Umbertu (KSU), maħruġ fid-29 ta’ Lulju 2025, fejn l-Għaqda esprimiet it-tħassib tagħha dwar kif dawn ir-regolamenti se jolqtu lill-kaċċaturi u n-nassaba.

Hu semma’ wkoll l-istqarrija tal-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazjonisti (FKNK), maħruġa fit-30 ta’ Lulju 2025, li fiha l-Federazzjoni esprimiet id-diżappunt assolut tagħha għan-nuqqas ta’ konsultazzjoni mill-Ministru responsabbli fil-proċess tat-tfassil tar-regolamenti.

Huwa qal li dawn ir-regolamenti, fil-fehma tal-FKNK, jistgħu jimponu obbligi fuq id-dritt liberu tal-pussess tas-sidien ta’ art rurali, jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv lil diversi kaċċaturi u nassaba li diġà kienu qed igawdu l-attivitajiet tradizzjonali tagħhom tal-kaċċa u n-nassaba u jagħtu s-setgħa lil Riżorsi Agrikoli Malta biex takkwista pussess temporanju tal-art u tallokaha lil ħaddieħor. Hu fakkar ukoll li dawn l-organizzazzjonijiet iddeskrivew tali miżuri bħala azzjoni anti-demokratika u qajmu tħassib dwar il-prinċipju li l-proprjetà privata hija sagrosanta quddiem il-liġi.

Rigward l-istqarrija ippubblikata mill-Kamra tal-Avukati, Toni Bezzina qal li din il-Kamra enfasizzat li, permezz ta’ dawn ir-regolamenti, kien hemm nuqqas ta’ skrutinju parlamentari, peress li l-Gvern mexa b’Avviż Legali mingħajr ma ressaq Abbozz ta’ Liġi fil-Parlament, u b’hekk inħoloq mekkaniżmu li jista’ jippermetti lill-Istat jagħmel pussess temporanju fuq art privata. Hu żied li l-istess stqarrija rrimarkat li l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta ngħatat is-setgħa li, mingħajr l-ebda trasparenza, tgħaddi art agrikola lil terzi, kif ukoll li ma saret ebda konsultazzjoni pubblika, u li dan kollu ħoloq inċertezzi kbar fil-qasam tal-proprjetà rurali.

Dwar il-Kunsill Notarili, Toni Bezzina rrimarka li l-Kunsill wera tħassib serju dwar il-ħruġ tal-Avviż Legali 150 tal-2025 u esprima l-fehma li dawn ir-regolamenti jmorru kontra l-prinċipju tat-tgawdija tal-proprjetà privata. Hu qal li, għalkemm il-Kunsill rrikonoxxa l-bżonn tal-protezzjoni tal-art agrikola bħala interess pubbliku, insista li għandu jinstab bilanċ ġust bejn dan l-interess u d-drittijiet tas-sidien.

Toni Bezzina kompla jgħid li dawn ir-regolamenti jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv ukoll lid-dilettanti pirotekniċi, speċjalment fir-rigward tal-ħruq tan-nar artifiċjali waqt il-festi tal-irħula, peress li skont dawn ir-regolamenti ma tista’ ssir l-ebda attività li trendi l-ħamrija mhux adattata għall-użu agrikolu, anke b’ mod temporanju għal perjodu limitat ta’ żmien.

Dan jolqot ukoll prattiċi li ilhom isiru għal snin twal, fejn persuni li għandhom liċenzja jużaw għal perjodi limitati għelieqi pubbliċi li jkunu fil-pussess tal-Awtorità tal-Artijiet, wara li jinkisbu l-permessi kollha meħtieġa.

Hu rrimarka li minkejja li l-Ministru Anton Refalo kien iltaqa’ mal-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazjonisti u kien wiegħed li jressaq emendi qabel l-24 ta’ Settembru 2025, sal-lum għaddew aktar minn xahrejn u nofs u l-ebda emenda għadha ma ġiet imressqa mill-Gvern. Bezzina qal li, minħabba dan id-dewmien, kienet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li resqet l-emendi tagħha stess fl-4 ta’ Ottubru 2025, u sostna li l-Oppożizzjoni spiċċat tagħmel ix-xogħol li suppost kien jagħmel il-Gvern.

Hu kompla li l-Gvern baqa’ jopponi b’mod sieket il-prattika tad-delizzji tradizzjonali u kulturali tal-kaċċa, insib u l-ħruq tan-nar, kif ukoll il-pussess paċifiku tal-art privata. Huwa żied li l-istess Gvern, minflok jammetti l-iżball tiegħu, qed jipprova jagħti l-impressjoni li dak li hemm miktub fl-Avviż Legali ma japplikax għal kaċċaturi, nassaba u pirotekniċi.

Toni Bezzina kompla li, minkejja dan kollu, il-Ministru Refalo kien ċaħad il-kontenut tiegħu stess, bħallikieku kelmtu setgħet tħassar dak li kien miktub fl-Att Legali.

Ix-Shadow Minister għat-Trasport, Agrikoltura u Sajd Toni Bezzina sostna li l-Oppożizzjoni , filwaqt li tibqa’ favur il-ħarsien tal-art agrikola bħala interess pubbliku, temmen li għandu jinstab bilanċ ġust mal-prinċipju tat-tgawdija tal-proprjetà privata sancit fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Hu spjega li għalhekk l-Oppożizzjoni ddeċidiet li tressaq mozzjoni biex isiru tliet emendi prinċipali fl-Avviż Legali 150 tal-2025, bl-għan li jiġu indirizzati oqsma li jmorru kontra d-drittijiet fundamentali tas-sidien, li jnewtralizzaw setgħat eċċessivi mogħtija lill-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta, u li jiġu mħarsa l-prattiċi tradizzjonali u kulturali Maltin bħall-kaċċa, l-insib u l-piroteknika. Huspjega fid-dettall li l-emendi proposti huma relatati mal-Artikolu 5, l-Artikolu 6 u l-Artikolu 9 tar-regolamenti, fejn l-Oppożizzjoni qed tipproponi li l-protezzjoni tal-art agrikola tiġi bbilanċjata ma’ eżenzjonijiet għal użi tradizzjonali u kulturali f’każijiet speċifiċi.

Toni Bezzina ikkonkluda li bis-saħħa ta’ dawn l-emendi, ikun qed jiġi salvagwardjat it-tgawdija tal-proprjetà privata, tiġi evitata l-possibbiltà ta’ abbuż mill-poter tal-Istat fil-konfront tal-art privata, u tiġi protetta l-prattika tad-delizzji tradizzjonali, u li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dak li suppost għamel il-Gvern mill-bidu – li jisma’, jikkonsulta u jiddefendi d-drittijiet tan-nies.

Hu appella lill-Gvern biex b’ mod matur u bla tisbit tas-saqajn, tiġi protetta l-art agrikola b’ rispett sħiħ lejn dawk kollha li jipprattikaw id-delizzji tradizzjonali u kulturali tal-kaċċa, insib u ħruq ta’ xogħol pirotekniku, fosthom bdiewa u raħħala, li wara jiem u xhur ta’ xogħol bla heda, minn sbieħ il-jum sa ma jidlam, għadhom dritt jipprattikaw id-delizzju tagħhom ukoll.

Toni Bezzina appella wkoll lill-Gvern biex jitneħħew il-poteri eċċessivi li b’ dan l-avviż legali se jingħataw lill-Gvern li jaħtaf art privata ta’ sidien ta’ art rurali u jtiha lil ħaddieħor mingħajr ma jkun jaf is-sid tal-art innifsu. Hu appella biex jinstab bilanċ ġust bejn il-ħarsien ta’ art agrikola u t-tgawdija ta’ art privata.

Fil-konklużjoni tad-dibattitu, Toni Bezzina qal li l-gvern nesa l-importanza tad-delizzji għax kieku ma kinx idaħħal dan l-avviż legali bil-mod kif daħlu. Hu qal li m’hemmx qbil fuq l-interpretazzjoni tar-regoli u kompla li l-gvern żgur qatt ma kkonsulta m’ dawk konċernati dwar il-mod kif inkiteb l-avviż legali jew l-emenda li ppreżenta l-gvern stess ilbieraħ.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern seta’ daħħal avviż legali li jirribatti l-avviż legali ta’ qabel. Kif ammetta l-gvern stess, ma kimx hemm bilanċ meħtieġ dwar it-tgawdija tal-propjetà privata u l-prattika tad-delizzji. Kieku nstab dan il-bilanċ, fl-avviż legali agur li l-gvern ma kinx iressaq emendi.