Fi tmien din il-ġimgħa, seba’ priġunieri Maltin se jgħixu mument storiku hekk kif se jingħaqdu mal-Ġublew tal-Priġunieri tal-Papa f’Ruma – esperjenza li se tkun qed tappoġġja r-riabilitazzjoni tal-priġunieri, u tirrifletti l-messaġġ ta’ tama tal-Knisja.
Apparti minn hekk dawn se jsiru l-ewwel priġunieri li se jivvjaġġaw barra minn Malta waqt li qed jiskontaw is-sentenza tagħhom.
Għal din iż-żjara ta’ ftit jiem, mis-Sibt sat-Tnejn … dawn il-priġunieri li intgħażlu se jivvjaġġaw taħt is-superviżjoni tal-gwardjani u l-istaff tal-ħabs.
Bħala parti mill-festi tas-Sena Mqaddsa tal-Vatikan, il-Ħadd, il-priġunieri se jkunu qed jattendu l-quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru, immexxija mill-Papa Ljun.
Dan il-vjaġġ qed jiġi kkoordinat bl-għajnuna tal-ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.
L-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi ikkonfermat li s-seba’ priġunieri li ntgħażlu huma ċittadini Maltin, Kattoliċi u ġabu ruħhom sew waqt li kienu taħt arrest f’Kordin.
Malta se tkun qed tingħaqad ma’ diversi pajjiżi oħra li jibagħtu priġunieri fil-Vatikan għal dan il-Ġubilew li huwa l-aħħar Ġublew tematiku tas-Sena Mqaddsa. Is-sena tal-Ġubilew bit-tema “Pellegrini ta’ Tama”, bdiet
mill-mibki Papa Franġisku lejlet il-Milied tas-sena l-oħra u tagħlaq fis-6 ta’ Jannar.
Matul l-aħħar 12-il xahar nies minn kull faxxa tas-soċjetà pparteċipaw f’pellegrinaġġ lejn il-Vatikan f’diversi avvenimenti – minn ġublew għal żgħażagħ, għal dak tal-morda u dawk li jieħdu ħsiebhom, u anke ċ-ċelebrazzjoni tal-familji.
//= $special ?>

