Lokali Qorti

Surġent jgħid li Angelo Gafà xehed b’mod żbaljat, spiċċa mhedded u qala’ transfer wara li ltaqa’ mal-Kap tal-Oppożizzjoni

L-ex uffiċjal tad-detail tad-Distrett tal-Belt u president tal-Malta Police Union, is-Surġent Alexander Schembri, xehed fil-qorti li hu kien “fil-mira” u mbuttat lejn proċeduri kriminali minn uffiċjali għolja fil-Korp, saħansitra billi xi ħadd allegatament qal li “bi kwalunkwe mod, Alex irid jitressaq il-qorti.” Huwa qal li ta’ spiss attentati li jingħata attentati ta’ transfers ripetuti.

“Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa kien ta nformazzjoni żbaljata fix-xhieda tiegħu u ried iqarraq meta tkellem fuq records dwar payslips u din hija twissija li aġir bħal dan kien qed ifittex li jfixkel il-proċess ta’ ċentralizzazzjoni fil-Korp tal-Pulizija. Schembri, ta’ 56 sena mix-Xgħajra, u l-kuntistabbli Joseph Debrincat, ta’ 64 sena minn Santa Venera, qed jiġu mixlijin b’frodi ta’ inqas minn €5,000 u li wettqu reat li kienu obbligati li jipprevjenu. Fil-konfront ta’ Schembri hemm ukoll akkużi ta’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi, kompliċità fil-frodi u sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet foloz.

Schembri spjega li daħal fil-Korp fl-1994 u sar uffiċjal tad-‘detail’ fl-2016 wara t-tluq tal-predeċessur tiegħu, il-Maġġur Patrick Mallia. Id-dmirijiet tiegħu kienu jinkludu t-tfassil tad-detail ta’ kuljum, l-ewwelnett il-ħinijiet u l-overtime, kif ukoll il-ħlasijiet għal xogħol extra-duty u l-koordinazzjoni ma’ diversi entitajiet nazzjonali. Huwa qal li kien imexxi tim ta’ madwar 92 uffiċjal u li kien l-ewwel li daħħal il-ħlasijiet diretti fil-bank għall-extra duty biex titnaqqas il-problemi tal-flus kontanti jiġru fl-idejn.

Huwa rrakkonta kif fl-2019 il-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Lawrence Cutajar sejjaħlu u wrieh ittra anonima mibgħuta lil ħames uffiċjali għoljin takkuża irregolaritajiet fid-detail tad-Distrett numru1. Dawn kienu l-ekd Deputat Kummissarju Ramon Mercieca, Angelo Gafa li dak iż-żmien kien is-CEO tal-Korp tal-Pulizija, il-President tal-unjin tal-Pulizija Sandro Camilleri u s-Segretarju tal-istess unjin ta’ Schembri, Il-Malta Police Union.

Skont Schembri, l-ittra kienet miktuba minn uffiċjali mix-Shift D li kienu irrabjati li ġie mibdul ir-riliver tagħhom, u kienet tipprova “timmmanipula ċ-ċirkostanzi” u saħansitra tinvolvi lill-Maġġur Patrick Mallia, li x-xhud faħħar ħafna.

Cutajar talab ir-rapporti tad-detail għall-verifika, iżda Schembri qal li l-verifika saret fuq verżjonijiet qodma tal-‘hard copies’ u mhux fuq ir-rekords elettroniċi li kienu finali. Wara, il-kummissarju l-ġdid Angelo Gafà ristruttura s-sistema u ċċentralizza l-uffiċjali tad-detail taħt Taqsima waħda fil-Depot.

Theddid minn Angelo Gafà

Minkejja li l-unjin kienet tappoġġja l-prinċipju, Schembri sostna li d-distretti kellhom bżonn jibqgħu jżommu ċertu “umanità” meta jiġu biex jaġġustaw sigħat għall-emergenzi personali tal-uffiċjali. Huwa wera email ta’ Lulju 2020 fejn Gafà wissieh li jekk ikompli “jostakola,” l-affarijiet jieħdu “xejra oħra.”

Schembri qal li kien ingħata responsabbiltajiet ferm akbar meta l-Belt tħabbret bħala d-distrett mudell tar-riforma u beda jimmaniġġja ħlasijiet ta’ overtime u extra duty ta’ Malta u Għawdex, li skontu telgħu minn €1.6 miljun għal madwar €6.5 miljun.

Imma fl-14 ta’ April 2021 ġie ordnat li jiġi trasferit Birżebbuġa, ġurnata biss wara li bħala president tal-unjin kien iltaqa’ mal-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Bernard Grech. L-unjin oġġezzjonat għat-trasferiment u dan ġie revokat fl-istess jum, fejn anke il-konsulent tal-unjin Gejtu Vella, kien qal li dan jikser il-konvenzjoni tal-ILO. Madankollu iżda seba’ xhur wara xorta ġie mċaqlaq lejn Birżebbuġa.

Huwa rrakkonta kif l-għada t-trasferiment ipprova jagħti dokumenti u fatturi pendenti lit-taqsima l-antika iżda ħadd ma ried jiffirma jew jirċevihom. Qal li tkeċċewħu żewġ ispetturi f’xena tensjonata, u wieħed minnhom allegatament qal: “Agħlaq ħalqek u oħroġ, għax m’għandek l-ebda idea x’inhu ġej.”

Fl-2022 sar jaf li kien taħt investigazzjoni mill-FCID. F’jum l-elezzjoni ġenerali, waqt li kien qed jassisti lill-ispetturi tal-istess dipartiment, wieħed minnhom allegatament qal li sema’ uffiċjal għoli jgħid: “Bi kwalunkwe mod, Alex irid jitressaq il-qorti.”

Fit-18 ta’ Ottubru 2022, waqt laqgħa tal-Malta Police Union, il-Kummissarju Gafà informaħ bis-sospensjoni tiegħu, u qal li kienet frott “insistenza qawwija” mill-Avukat Ġenerali. Schembri qal li ma ħadhiex bi kbira, għax xhur qabel kien talab il-ħatra tar-riżenja tal-AĠ fil-każ Darren Debono.

Dwar allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet fil-ħlasijiet, Schembri spjega lis-sistema tal-‘extra duty’ kienet tibbaża ruħha fuq minimu ta’ sagħtejn ħlas anke jekk il-ħidma kienet ferm iqsar. Semma eżempji bħal-xogħol lejn il-Monte di Pietà waqt il-‘mid-watch’, fejn dawn ir-regoli kienu japplikaw bil-kunsens ta’ uffiċjali għoljin. Huwa u l-avukati tiegħu rreferrew ukoll għal kawża kostituzzjonali li fetaħ kontra l-Kummissarju Gafà dwar aspetti relatati mal-każ.

Jiċħad dak li qal Gafà li l-payslips ma jurux dettalji fuq il-ħlasijiet

Isemmi wkoll li fil-proċeduri kostituzzjonali quddiem il-Prim Imħallef Toni Abela, il-Kummissarju kien qal li l-‘payslips’ ma kinux juru dettalji li jindikaw fuq liema bażi nħarġu l-ħlasijiet tal-‘extra duty’. Iżda Schembri ppreżenta dokumenti li, skontu, juru li storikament il-payslips kienu jiġu akkumpanjati b’dikjarazzjonijiet estensivi li jagħtu aktar informazzjoni, prattika li qal ilha teżisti mis-snin sebgħin.

Huwa sostna li l-allegazzjoni ta’ “sigħat li jaqsmu” kienet sempliċiment nuqqas ta’ ftehim dwar kif kienet taħdem is-sistema. Huwa esebixxa fil-qorti dokument dwar il-‘payroll’, li juru li l-‘payslips’ kienu storikament akkumpanjati bi ‘statements’ dettaljati li jagħtu iktar informazzjoni. Skont hu, dan il-format kien ilu jintuża’ sa mis-snin 70.

Il-każ ikompli fis-27 ta’ Jannar. F’isem il-Kummissarju tal-Pulizija qed imexxu l-prosekuzzjoni s-Supretendent James Grech u l-Ispettur Christian Abela, filwaqt li l-prosekuzzjoni mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed issir mill-avukati Etienne Savona u Maria Schembri. L-avukat David Bonello qed jidher għal Schembri.