Lokali Qorti

Anzjan mhux ħati li kkawża feriti gravi fuq ġar

Anzjan ta’ 73 sena miż-Żurrieq inħeles mill-akkużi li pprova jikkaġuna ġrieħi gravi lil ġar tiegħu, wara li l-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża li dan kien aġixxa bħala ‘self defence’.

Carmel Agius kien mixli li pprova jwettaq ġrieħi gravi lil Michael Debono, li kkawżalu ġrieħi ħfief, li kien qed iġorr sikkina mingħajr liċenzja u li użaha waqt reat, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi.

Il-każ seħħ fit-25 ta’ Ottubru 2020, meta l-pulizija rċevew telefonata dwar ġlieda bejn tlet irġiel fi Triq Matteolo Saliba. Meta waslu fuq il-post sabu tlett irġiel ħdejn żewġ muturi, bi tnejn minnhom bil-marki ta’ ġrieħi. Il-grupp kien għadu qed jhedded lil xulxin anke quddiem l-uffiċjali. Il-pulizija sseparawhom u ħadu l-verżjoni ta’ kull wieħed minnhom.

Debono rrakkonta li kien ħareġ minn daru ftit minuti qabel u ħiereġ bil-mutur flimkien mal-ħabin tiegħu Joseph Camilleri meta Agius resaq lejh u qallu biex jieħu ħsieb il-kelb tiegħu, li kien jinżamm fuq il-bejt. Wara skambju ta’ kliem, Debono qal lil Agius li jirraporta l-każ jekk jaħseb li l-annimal kien qed jiġi mmaltrattat.

Skont Debono, Agius irritorna d-dar u hu mbagħad beda jħabbat fuq il-bieb tal-garaxx. Dak il-ħin, skont il-vittma, Agius ħareġ b’sikkina tal-ħobż u laqtu f’wiċċu. Hu u Camilleri ħadu s-sikkina u għawġuha. Agius, iżda, ta verżjoni differenti fil-kummenti tiegħu lill-pulizija.

Qal li kien qal lil Debono jieħu ħsieb il-kelb għax kien qed jinbaħ kontinwament, u li Debono wieġbu b’tgħajjir. Huwa daħal lura d-dar iżda ftit wara sema’ xi ħadd iħabbat qawwi fuq il-bieb tal-garaxx. Daqsxejn imbeżża’, ħareġ b’sikkina f’idu – li kien qed juża biex jaqta’ l-ħobż – u skontu, Debono attakkah b’daqqiet ta’ ponn fil-wiċċ u fuq xufftejh. Il-ġlieda eskalat u Camilleri ħataf is-sikkina minn idejh.

Agius kellu ġrieħi ħfief f’idu u f’wiċċu, filwaqt li Debono kellu grif fuq wiċċu, waħda minnhom twila 15-il ċentimetru. Iżda l-Qorti osservat li dawn il-feriti ma setgħux jiġu attribwiti b’ċertezza għas-sikkina. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti sabet li l-verżjoni ta’ Debono u Camilleri ma kinitx kredibbli, speċjalment meta mqabbla ma’ dak li qal Debono lill-pulizija u dak li rrakkonta aktar tard fil-Qorti.

Il-Qorti nnotat li kieku Agius tassew ħareġ jiġri b’sikkina lejn Debono, kif allegat, il-ġrieħi kienu jkunu ferm aktar serji. Minflok, li nstabu kienu biss grif, li jistgħu ma kinux ikkawżati mis-sikkina. Min-naħa l-oħra, il-Qorti qieset li l-verżjoni dettaljata ta’ Agius kienet konsistenti u aktar kredibbli.

Il-Qorti kkonkludiet li Debono mar iħabbat fuq il-bieb tal-garaxx b’intenzjoni aggressiva u li kien l-ewwel li uża l-vjolenza. Debono dak iż-żmien kien suldat tal-AFM imħarreġ fil-ġlied, filwaqt li Agius kien raġel anzjan.

Il-Qorti qalet li anke skont il-verżjoni ta’ Debono, il-kliem ta’ Agius dwar il-kelb ma kienx raġuni valida biex imur iħabbat fuq il-bieb tal-garaxx u jfittex il-ġlied. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti qieset li l-anzjan ma kellu l-ebda għażla ħlief li jiddefendi ruħu minn aggressjoni “vjolenti u inġusta”.

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia għalhekk laqgħet it-talba ta’ ‘self-defence’ u ħelset lil Agius minn kull akkuża.