Lokali

‘Dawl fis-skiet’ – Attività bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar is-solitudni fi żmien il-Milied

“Huwa importanti li nkunu ta’ tama għal dawk in-nies li jħossuhom maħkuma mis-solitudni bil-għan li jkunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar.”

Dan kien il-messaġġ li twassal waqt attivita li saret l-Erbgħa filgħaxija u li kienet organizzata minn Sarah Bajada bit-titlu ‘Dawl fis-Skiet’ li hija partit mill-attivitajiet bit-tema ‘Milied Miegħek’ – attivita fejn matulha ġie diskuss is-suġġett tas-solitudni  bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar is-solitudni fi żmien il-festi tal-Milied.

Ritratt: Joseph Galea

Matul l-attività kien hemm panel magħmula minn personalitajiet Maltin kif ukoll esperti f’dan il-qasam fejn ilkoll irrakkuntaw esperjenzi personali tagħhom kif ukoll sitwazzjonijiet li ltaqgħu magħhom fil-post tax-xogħol. Dan apparti li l-attivita inkludiet ukoll l-opinjonijiet tal-udjenza preżenti.

Ġie diskuss ukoll il-fatt li s-solitudni mhix xi ħaġa li tista’ tara fiżikament għaliex persuna li hija mdawra bin-nies xorta waħda tista’ tħossha waħedha. Iżda minn naħa l-oħra tkellmu wkoll fuq il-fatt li hawn nies li jfittxu li jkollhom xi ftit ħin waħedhom.

Apparti minn hekk, matul l-attività ntwerew diversi filmati fejn ġew irrakkuntati numru ta’ stejjer u kif wieħed jista’ jkun ta’ għajnuna għal dawn in-nies f’mument tant diffiċli f’ħajjithom. Hawnhekk Sarah tkellmet ukoll fuq mumenti personali fejn anke hi ħassitha ferm waħedha filwaqt li spjegat li llum il-ġurnata l-midja soċjali qed tikkontribwixxi għas-solitudni.

Ritratt: Joseph Galea

Preżenti għal din l-attivita kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello kif ukoll numru ta’ deputati u kandidati tal-Partit Nazzjonalista.

Għaldaqstant, Milied Miegħek jilħaq il-qofol tiegħu l-Ħadd u t-Tnejn li ġejjin. Il-Ħadd se ssir Maratona Ġbir ta’ Fondi bejn 12pm u l-11pm fuq NET Television u NET FM, bid-divertiment jibqa’ għaddej ukoll ġewwa u barra d-Dar Ċentrali.

It-Tnejn 15 ta’ Diċembru, imbagħad, jaħbat il-100 jum tal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u dan se jiġi ċċelebrat b’attività tal-massa quddiem id-Dar Ċentrali li se tkun indirizzata minn Alex Borg, u li tibda fis-6pm.