Lokali

Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza

Il-poplu Malti u Għawdxi huwa mħeġġeġ għal darb’oħra jkun ġeneruż fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida.

Dan hekk kif id-Dar tal-Providenza se tkun qed torganizza Maratona Ġbir ta’ Fondi fl-ewwel ta’ Jannar bit-tema Festa ta’ Ġenerożità. Id-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef saħaq li preżentament id-Dar tal-Providenza topera bi spiża ta’ madwar 7 miljun ewro fis-sena biex tagħti l-għajnuna lil 115-il resident.

Filwaqt li fakkar li din is-sena qed jiċċelebraw is-60 anniversarju mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef appella lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità.

Intant, flimkien mal-amministratriċi tad-Dar tal-Providenza Nadine Camilleri Cassano, tħabbar li x-xandira tal-maratona se tibda fid-0930hrs bil-quddiesa u sussegwentament jingħata bidu għall-ġbir fl-għaxra u nofs ta filgħodu – bix-xandira għandha għaddejja sa nofsillejl.

Il-poplu huwa mistieden jattendi għal din il-maratona mżewqa wkoll bi spettaklu, briju u kant.

Intant, fil-jiem li ġejjin se jkun hemm diversi attivitajiet madwar Malta bil-għan li jinġabru fondi b’risq id-Dar tal-Providenza fost oħrajn irkant tal-arti, bil-wirja tittella fil-binja tal-Parlament fil-Belt Valletta, kif ukoll fun run fil-lokalità tas-Siġġiewi nhar it-28 ta’ Diċembru.