Il-Gvern jinsab fil-muta b’rabta mal-kriżi tal-kumpanija Malita Investments u l-intriċċi tal-Ministru tal-Housing, Roderick Galdes.
Dan hekk kif fil-jiem li għaddew Net News bagħat sensiela ta’ domandi kemm lill-Ministru Galdes innifsu kif ukoll lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana – madanakollu minkejja li jippontifikaw fuq it-trasparenza, mill-Ġimgħa baqgħu ma weġbux għall-mistoqsijiet.
Lil Clyde Caruana staqsejnih jaqbilx mad-direzzjoni strateġika imposta fuq il-kumpanija Malita; ċioè l-fatt li assorbu wkoll proġetti tal-housing soċjali – mossa li ikkontribwixxiet għall-kriżi finanzjarja li għandha.
Dan hekk kif l-ishma tal-kumpanija qed ikomplu neżlin bil-valur issa jonqos għal 37 ċenteżmu – għalhekk staqsejna lill-Ministru Caruana dan jinkwetahx, flimkien ukoll mar-riżenji waħda wara l-oħra li qed tara l-kumpanija.
Staqsejnieh jaħsibx li d-dejn hux sostenibbli u x’passi se jkun qed jieħu l-Gvern la darba għandu 82% mis-sehem tal-kumpanija.
Caruana kien mistoqsi jekk jemminx li l-Ministru Galdes għandux jibqa’ fil-pożizzjoni li għandu…. madanakollu kien hemm silenzju assolut minn naħa ta’ Clyde Caruana.
Baqa’ fil-muta wkoll il-Ministru Roderick Galdes hekk kif staqsejnieh għal konferma u dokumentazzjoni tal-ħlas ta’ €5,000 depożitu li qal li għamel fuq ix-xiri tal-penthouse f’Għawdex.
Staqsejnieh jikkonfermalna permezz ta’ dokumentazzjoni l-ftehim preliminari – fost oħrajn il-prezz maqbul, id-data u t-termini, staqsejna meta kkonferma l-bejgħ, l-ammont eżatt ta’ kemm ħallas taxxa tal-boll fuq il-proprjetà – u fuq liema data tħallset.
Lil Galdes staqsejnieh biex għal ġieh it-trasparenza, u bħala Ministru li huwa fl-aħħar mill-aħħar kontabbli quddiem il-poplu, jipprovdilna dokumentazzjoni u rċevuta uffiċjali ta’ dan kollu.
Madanakollu, kien hemm biss silenzju assolut – u ebda tweġiba għal dawk l-investituri żgħar li qed jaraw l-investiment tagħhom fil-Malita jisfuma, quddiem il-poplu li qiegħed jistaqsi jekk il-Ministru għandux kollox f’postu, u quddiem tliet proġetti tal-housing li baqgħu mdendlin.
Minn naħa ta’ Galdes, kien hemm biss skiet totali – u baqa’ jaħrab dawn id-domandi leġittimi.
//= $special ?>

