Graziella Galea, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet fil-Parlament li l-persuni li jkunu għaddew mill-kanċer għandhom ikunu megħjuna mhux imfixkla.
Fid-dibattitu parlamentari dwar Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni Kontra Konsegwenzi Negattivi għal Persuni li Fiequ minn Mard Onkoloġiku (Dritt li Tintesa), id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet li għandha tinqata’ kull diskriminazzjoni kontra persuni li jkunu għaddew mill-marda tal-kanċer u sostniet li kull persuna li jfiq mill-kanċer hu storja ta’ suċċess; għalhekk it-timbru m’għandux jibqa’ hemm. Dawn il-persuni għandhom ikunu megħjuna għaliex il-bniedem għandu jkun ikkunsidrat bħala persuna waħda.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li dawn il-persuni għandhom dritt jgħixu ħajjithom u sostniet li dawn il-prinċipju jista’ jiddaħħal għal kundizzjonijiet oħra.
Graziella Galea sostniet li hawn persuni li għaddew minn sitwazzjonijiet mediċini oħra xorta jkollhom jagħmlu spejjeż ikbar meta jiġu biex jixtru proprjetà minħabba l-kwistjonijiet tal-assigurazzjoni.
Graziella Galea staqsiet jekk hemmx mard ieħor li jista’ jkun inkluż f’dan l-abbozz u kompliet li kull persuna għandu jkollha d-drittijiet tagħha mħarsa fosthom dawk li għandhom diżabbiltà. Il-persuni li jkunu għaddew minn kanċer jistgħu jibqgħu ibatu minn diżabbiltà u għalhekk anki dawn għandhom ikunu megħjuna billi kemm jista’ jkun jgħixu ħajja normali.
Hi appellat biex titneħħa l-istgima li kien hemm biex ma jkunx hemm inġustizzja morali.
//= $special ?>

