“Biex jibgħatuni Mount Carmel sakemm nidħol il-programm, sabiex ma nsibx ruħi barra quddiem it-tentazzjoni – irrid nhedded li se nagħmel suwiċidju. Inkella ma jibgħatunix”.
Din kienet biss waħda mill-ħafna esperjenzi kiefra li qasmu r-residenti taċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, meta qatta’ kważi ġurnata mar-residenti f’San Blas.
Ir-residenti, kellhom iċ-ċans illi jaqsmu dak li weġġagħhom l-aktar fis-soċjetà meta huma kienu fl-agħar punt ta’ ħajjithom. Fejn spjegaw li waħda mill-akbar pjagi kienet li sabiex wieħed ma jibqax fit-tentazzjoni sakemm ikun qed jistenna biex jidħol programm, irid jistqarr – b’mod anke falz – li se jwettaq suwiċidju. Dan sabiex mill-Emerġenza ta’ Mater Dei jintbagħat f’Monte Carmeli.
Oħrajn, spjegaw illi hija ta’ frustrazzjoni u diżappunt kbir, illi l-Gvern illegalizza pussess ta’ ammont żgħir ta’ kannabis – għaliex din tiffaċilita sabiex user ikompli jagħmel użu jew inkella jibda t-triq għall-użu.
Ħafna spjegaw li meta waslu f’xifer il-mewt, minflok sabu l-għajnuna mill-awtoritajiet, sabu l-Pulizija li – skont xogħolhom – kellhom jarrestawhom għax kienu qed jitlajjaw. B’resident jiddikjara, b’mod mill-aktar frustranti, li l-awtoritajiet għandhom jarrestaw lit-traffikanti tad-droga u mhux lil dawk li sabu ruħhom jgħixu bla saqaf fuq rashom minħabba l-addiction li jkunu fiha.
Madanakollu, ir-residenti spjegaw kif il-Caritas tathom ħajja ġdida għaliex weldithom mill-ġdid. Dan filwaqt li rringrazzjaw b’mod mill-aktar apert lil Alex Borg talli tahom widen.
Minn naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’kumment li ta lill-midja, spjega li huma bosta l-problemi soċjali f’pajjiżna li għandhom bżonn jiġu indirizzati. Dan sabiex persuni bħalma huma r-residenti tal-Caritas jingħataw ħajjithom mill-ġdid.
Huwa wiegħed, li kemm mill-Oppożizzjoni u anke meta il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern, se jkompli l-ħidma tiegħu sabiex kemm jista’ jkun din il-pjaga tittaffa.



Net News tkellem mad-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt, illi spjega kemm hija importanti żjara bħalma kienet din ta’ Alex Borg.
Caritas Malta ilha snin twal twettaq ħidma ma’ dawk illi jkollhom bżonn rijabilitazzjoni għal kwalunkwe vizzju. Fejn dawk li huma fil-bżonn, ikollhom jistennew numru ta’ ġimgħat sakemm ikunu eżaminati sabiex jgħaddu mill-programm.
Meta persuna jmur San Blas, jibda 6 ġimgħat fix-shelter, fejn jibda preparazzjoni għas-sitt xhur programm – u wieħed jgħaddi minn proċess ta’ rijabilitazzjoni iebes ħafna, permezz tal-għajnuna ta’ tim ta’ professjonisti.
Imbagħad, jibda l-programm li jieħu madwar 6 xhur, u li jwassal sabiex resident ikun jista’ jerġa’ jibda jgħix ħajja diċenti. Fejn anke resident, imur joqgħod f’Dar Charles Miceli l-Mosta fejn wieħed ikun aktar liberu, isib xogħol u anke residenza permanenti.
Il-ħidma tal-Caritas ma tieqafx mal-mument li dawn ir-residenti ilestu t-triq tagħhom fil-programm imma dawn jibqgħu isegwu lil persuna tul ħajjitha kollha, permezz anke ta’ gruppi li wieħed jattendi.
Intant, waqt din iż-żjara, Alex Borg anke kien ippreżentat bil-ktieb INĦOBBKOM, dwar Monsinjur Victor Grech – il-fundatur ta’ Caritas Malta. Propju qabel il-Kap tal-PN poġġa jiekol mar-residenti ta’ San Blas.
Għal din iż-żjara, Alex Borg kien akkumpanjat minn Sarah. U l-ktieb kien preżentat mill-awtur Joe Cassar.
//= $special ?>
