Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Minister Graziella Attard Previ u l-President tal-FOIPN, il-Partit Nazzjonalista tenna l-impenn tiegħu li jħares u jsaħħaħ id-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna, mingħajr diskriminazzjoni u mingħajr kundizzjonijiet. Dan sar fil-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Bniedem
Id-drittijiet tal-bniedem mhumiex privileġġi li jingħataw jew jitneħħew skont il-konvenjenza politika – huma universali, inerenti u ma jistgħux jiġu negozjati.
Illum jimmarka wkoll it-tmiem tas-16-il jum ta’ Attiviżmu kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru.
F’pajjiżna, rajna diskors perikoluż li jippromwovi l-idea li d-drittijiet għandhom ikunu “meritati”. Din mhijiex il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista. Aħna nemmnu li kull persuna, tkun min tkun, għandha d-dinjità u l-protezzjoni li toħroġ mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-prinċipji tal-Unjoni Ewropea li Malta hi parti minnha.
Il-PN jikkundanna kull tentattiv li jnaqqas jew li jdgħajjef dawn il-garanziji.
Minflok, irridu nsaħħu l-istituzzjonijiet tagħna biex joffru ġustizzja, trasparenza u protezzjoni għal kulħadd – inkluż il-vulnerabbli, il-migranti, u dawk li spiss jispiċċaw emarġinati.
Illum, niftakru li d-drittijiet tal-bniedem huma l-pedament tal-libertà, tal-ugwaljanza u tal-paċi.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jħares dawn il-valuri fil-politika tiegħu, fil-liġijiet u fil-prattika ta’ kuljum.
//= $special ?>

