Lokali

Is-sistema tal-ġustizzja tal-Qorti tal-Familja qed tfalli

Il-vuċi tat-tfal titħalla barra fid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Familja

Is-sistema tal-ġustizzja tal-Qorti tal-Familja qed tfalli milli tisma’ l-vuċi tat-tfal u taġixxi b’mod li jirrifletti r-realtà ta’ ħajjithom u l-aħjar interess tagħhom, skont studju ġdid ippubblikat illum.

Intervisti ma’ tfal u żgħażagħ li għaddew minn din is-sistema qed jiżvelaw sitwazzjoni allarmanti fejn it-tfal qed jitħallew barra minn deċiżjonijiet li jifformaw ħajjithom, anki meta huma jifhmu, iħossu u jbatu l-konsegwenzi sew.

L-istudju kwalitattiv, bl-isem Ġustizzja Ħbiberija għat-Tfal: Nagħtu Vuċi lit-Tfal fil-Proċeduri tal-Qorti tal-Familja, sar mil-lettur u riċerkatriċi Bernadine Satariano għall-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, bl-appoġġ tal-Children’s Rights Observatory Malta (CROM).

Satariano qalet: “Fl-intervisti kollha, in-narrattiva kostanti tat-tfal kienet ‘Ħallewni barra’, u ripetutament qalu li l-iktar ħaġa li weġġgħathom kienet li ‘ħadd ma jispjega xejn lit-tfal’.”

Dan l-istudju, li nġabar waqt seminar ta’ nofs ta’ ġurnata indirizzat mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-presidenta tal-MFWS Marie-Louise Coleiro Preca, esplora kif l-esperjenzi tat-tfal fis-sistema tal-Qorti tal-Familja Maltija huma ffurmati mill-opportunitajiet u l-ostakli għall-parteċipazzjoni tagħhom.
Barra r-riċerka, tressqu wkoll gwidi biex jgħinu lit-tfal u lill-ġenituri matul il-proċess ta’ separazzjoni.

Coleiro Preca ħeġġet lill-qrati, lill-politiċi u lill-awtoritajiet biex ikunu kuraġġużi u jmexxu l-bidliet meħtieġa, peress li s-sistema preżenti tal-Qorti tal-Familja qed tfalli lit-tfal b’mod ċar.

“Is-soċjetà għadha tnaqqas mill-kompetenza tat-tfal. Sakemm l-adulti jibqgħu jgħidu ‘huma żgħar wisq biex jifhmu’ jew ‘qegħdin nipproteġuhom billi ma ngħidulhom xejn’, is-sistema tibqa’ mfassla biex titkellem fuq it-tfal, madwar it-tfal, iżda qatt mhux magħhom,” żiedet tgħid.

Il-Qorti tal-Familja twaqqfet fl-2003 u minkejja l-progress, it-titjib kien mhux konsistenti. It-tfal iħossuhom inviżibbli u l-parteċipazzjoni tagħhom għadha tiddependi fuq il-bona volontà ta’ individwi, mhux fuq politika stabbilita li tiggarantihom is-smigħ.

Permezz ta’ intervisti ma’ ħaddiema soċjali, psikologi, medjaturi, avukati, avukati tat-tfal u t-tfal infushom, ir-riċerka staqsiet kif u minn min it-tfal jinstemgħu waqt il-proċessi ta’ separazzjoni, u kif fatturi istituzzjonali, professjonali u familjari jsaħħu jew idgħajfu l-vuċi tagħhom.

Matul l-intervisti ħarġet narrattiva ċara fejn dawk li kienu tfal fil-proċess qalu li l-adulti jarawhom bħala ingenwi jew inkapaċi jifhmu x’inhu jiġri f’familthom.

In-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet ċari u adattati għat-tfal qed iħallihom bejn żewġ stejjer kontradittorji tal-ġenituri, bla ċertezza dwar x’iddeċidiet eżatt il-qorti dwar il-futur tagħhom.

In-nuqqas tal-qorti li tinvolvi ruħha direttament mat-tfal jippermetti wkoll lill-abbuż jibqa’ moħbi wara r-retorika tal-protezzjoni. Dan il-mudell ġie rifless minn żagħżugħ li rrakkonta l-impossibbiltà li titkellem f’isemek f’sistema mibnija fuq assunzjonijiet.

Ir-riżultati kkonfermaw li t-tfal jifhmu ħafna iktar milli jaħsbu l-adulti, u li s-sistema tagħna hija mibnija madwar l-adulti, mhux it-tfal. Imma dak li tagħni sorpriża kien il-fond u l-konsistenza tal-ħsara, qalet Satariano li appellat lill-politiċi u lill-qrati biex jisimgħu lit-tfal u jieqfu jnaqqsu mill-kapaċità tagħhom.