Lokali

Jiftaħ il-villaġġ tal-Milied organizzat mill-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-PN Alex Borg jinawgura sebat ijiem ta’ attivitajiet li din is-sena għandhom it-tema “Milied Miegħek”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ilbieraħ filgħaxija fetaħ uffiċjalment l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-attivitajiet tal-festi tal-Milied li qed jorganizza l-PN u li din is-sena għandhom it-tema Milied Miegħek.

Dan hu villaġġ tal-Milied li se jkun mifrux fuq sebat ijiem u li matulhom wieħed jista’ jsib attivitajiet u attrazzjonijiet għall-gosti ta’ kulħadd.

Kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnifsu li xegħel uffiċjalment id-dwal tal-Milied mal-faċċata tad-Dar Ċentrali u ddikjara miftuħ il-programm ta’ attivitajiet li se jibqa’ għaddej sal-15 ta’ Diċembru u se jinkludi spettakli bis-sehem ta’ diversi kantanti, artisti u bands, wirja tal-presepji u zona għat-tfal, fosthom bil-preżenza ta’ Father Christmas.

Preżenti wkoll se jkun hemm diversi korijiet, waqt li l-iskeda tal-attivitajiet tinkludi Coffee Morning għada l-Ħamis filgħodu, l-Ikla tal-Milied nhar il-Ġimgħa filgħaxija u Christmas 60s Night is-Sibt, filwaqt li t-tfal se jkollhom attività ddedikata kollha għalihom b’party fid-Dar Ċentrali s-Sibt filgħodu.

Illejla, fis-7pm, il-Kap tal-PN Alex Borg u Sarah se jippresiedu attività b’differenza. Is-serata “Dawl fis-Skiet”, organizzata minn Sarah, għandha l-għan li titqajjem kuxjenza dwar is-solitudni fi żmien il-festi tal-Milied.

Milied Miegħek jilħaq il-qofol tiegħu l-Ħadd u t-Tnejn li ġejjin. Il-Ħadd se ssir Maratona Ġbir ta’ Fondi bejn 12pm u l-11pm fuq NET Television u NET FM, bid-divertiment jibqa’ għaddej ukoll ġewwa u barra d-Dar Ċentrali.

It-Tnejn 15 ta’ Diċembru, imbagħad, jaħbat il-100 jum tal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u dan se jiġi ċċelebrat b’mass rally quddiem id-Dar Ċentrali li se jkun indirizzat minn Alex Borg, u li jibda fis-6pm. Wara, se jkun organizzat afterparty bis-sehem ta’ diversi DJs.

Aktar dettalji dwar dawn l-attivitajiet jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku pn.org.mt jew mill-mezzi soċjali tal-Partit Nazzjonalista.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ Milied Miegħek, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat fost oħrajn mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello.