L-Istati Uniti qed tintroduċi regoli aktar riġidi għall-barranin li jridu jżuru l-artijiet tagħha u li fi kliem diversi osservaturi qegħdin jidhru ‘aktar drastiċi minn kwalunkwe regoli preċedenti.
Dan meta t-turisti minn għexieren ta’ pajjiżi, fosthom ir-Renju Unit, jistgħu jkunu mitluba biex jipprovdu rendikont jew ‘l-istorja’ tal-attività tagħhom fuq il-midja soċjali għal dawn l-aħħar ħames snin bħala kundizzjoni biex huma jżuru l-Istati Uniti.
Il-kundizzjoni ġdida għandha taffettwa lill-barranin li huma eliġibbli biex iżuru l-Istati Uniti għal 90 jum mingħajr visa u dment li huma jipprovdu ‘mewġa’ ta’ dettalji personali bil-metodu elettroniku għall-awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar.
Mindu laħaq mill-ġdid President tal-Istati Uniti, Donald Trump insista li jdaħħal ir-regoli mill-aktar stretti mal-fruntieri tal-Istati Uniti u fejn dejjem jinsisti dwar is-sigurtà nazzjonali bħala ‘l-aktar raġuni valida’.
Madankollu, l-analisti qed jgħidu li l-pjan ġdid mhux talli jillimita sew l-aċċess lejn l-Istati Uniti iżda anki għandu jservi ta’ ostaklu għall-viżitaturi ġenwini. Dan ukoll meta l-kundizzjonijiet tal-pjan għandhom imorru kontra d-drittijiet diġitali tal-individwu.
Id-dokument tal-proposta tressaq mill-Aġenzija Doganali responsabbli mill-Protezzjoni tal-Fruntieri u mid-Dipartiment Amerikan għall-Intern li l-aġenzija tifforma parti minnha. Dan ukoll meta l-Istati Uniti , is-sena d-dieħla, qed tistenna influss qawwi ta’ turisti barranin, minħabba li se torganizza l-logħob tal-futbol konnessi mat-Tazza tad-Dinja.
//= $special ?>

