Lokali

L-ewwel pass importanti fil-proċess lejn is-sħubija assoċjata ta’ Malta fis-CERN

L-entità governattiva Xjenza Malta, qed taħdem bi sħiħ biex tikseb sħubija eqreb ma’ CERN, l-organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari, li magħha ġġib aktar opportunitajiet għal taħriġ ta’ livell internazzjonali, esplorazzjoni xjentifika, tagħlim ibbażat fuq is-suġġetti STEAM, kif ukoll aċċess għal netwerks globali ta’ riċerka.

Dan tħabbar waqt żjara uffiċjali fl-Iżvizzera, mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, akkumpanjat minn uffiċjali ta’ Xjenza Malta.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Grima enfasizza fuq il-ħsieb strateġiku u l-għan ta’ Malta li ssaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa spjega li peress li Malta hija waħda minn żewġ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li għadha barra minn CERN, beda b’mod uffiċjali l-vjaġġ biex pajjiżna jsir membru assoċjat.