Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li lest jorganizza l-elezzjonijiet ġenerali f’pajjiżu anki f’dawn iż-żmenijiet ta’ gwerra. Elezzjonijiet li, fi kliemu, ikunu possibbli ladarba l-Parlament Ukren u l-Alleati ta’ pajjiżu jippermettu dan it-tragward.
Zelensky ikkummenta hekk b’ton pjuttost irrabjat, sigħat wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, akkużah b’li qed jipprova jiggranfa mal-poter akkost ta’ kollox.
Dan meta Trump ftit qed jitlef opportunitajiet biex jikkritika lil Zelensky waqt li, fl-istess ħin, qed iwettaq pressjoni fuq Kiev biex jaċċetta ftehim għall-paċi li jirrikjedi li l-Ukrajna ċċedi medda kbira ta’ territorju lir-Russja.
Intant, Volodymyr Zelensky qed jgħid li l-kwistjoni tal-elezzjonijiet għandha tkun deċiża mill-poplu Ukren u mhux minn persuni ta’ pajjiżi oħra. Madankollu, hu wiegħed biex jevalwa l-possibbiltajiet kollha ħalli l-elezzjonijiet f’pajjiżu jsiru matul ix-xhur li ġejjin.
Zelensky anki qed jitlob lill-Istati Uniti biex tgħinu fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet taħt il-kundizzjonijiet ta’ gwerra. Hu beħsiebu wkoll jitlob lill-Alleati Ewropej biex jaċċertaw is-sigurtà għal dawn l-elezzjonijiet filwaqt li rrepeta li pajjiżu għandu jkun lest għal proċess ta’ dan it-tip minn 60 sa 90 jiem oħra.
Zelensky kompla li, bħala President tal-Ukrajna, għandu r-rieda u d-determinazzjoni li l-elezzjonijiet f’pajjiżu jsiru bħala turija oħra li l-Ukreni jemmnu fid-demokrazija u d-dritt tal-għażla ħielsa.
Aktar qabel, Donald Trump, waqt intervista lill-ġurnal Politico, kien ikkummenta li l-Ukrajna ilha żmien ma jkollha elezzjonijiet u li, kultant, ‘jasal iż-żmien meta pajjiż (f’dan il-każ l-Ukrajna) li jispiċċa f’din is-sitwazzjoni ma jistax isejjaħ lilu nnifsu aktar bħala demokrazija.’
Il-mandat ta’ poter għal Zelensky skada f’Mejju tas-sena l-oħra, iżda l-Kostituzzjoni tal-Ukrajna tipprojbixxi li jsiru l-elezzjonijiet nazzjonali fi żmenijiet ta’ gwerra. Anki l-avversarji politiċi ta’ Zelensky qalu kemm-il darba li l-kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà ma jippermettux għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet fi klima ta’ konflitt armat.
Qabel jistgħu jsiru l-elezzjonijiet nazzjonali, l-Ukrajna tkun teħtieġ issolvi issue loġistika sinifikanti u li tinvolvi l-mezzi biex is-suldati, il-mijuni tar-refuġjati u l-Ukreni li qed jgħixu taħt l-okkupazzjoni tar-Russja jivvutaw mingħajr xkiel.
Hemm ukoll il-problema tal-validità legali tal-elezzjonijiet, peress li l-liġi marzjali għadha effettiva fl-Ukrajna.
Għaldaqstant, Zelensky, issa, qed jitlob il-pariri tad-deputati fi Kiev dwar kif huma jistgħu jemendaw il-liġijiet biex jippermettu għall-elezzjonijiet – u meta anki qed jistenna l-proposti mingħand l-Alleati ta’ Kiev.
Il-President Ukren għadu kemm irritorna pajjiżu wara tour diplomatiku tal-pajjiżi Ewropej u fost il-pressjoni min-naħa tal-Istati Uniti biex hu jaċċetta l-pjan għall-paċi mressaq minn Trump. Dan minkejja li l-pjan imur kontra l-interessi tal-Ukrajna, filwaqt li jippremja lir-Russja bħala l-aggressur f’din il-gwera.
Intant, Zelensky, fl-aħħar sigħat, żvela li l-Ukrajna se tistinka biex torganizza dalwaqt laqgħa fuq l-ogħla livell mal-Istati Uniti u fejn huma jkunu jistgħu jiddiskutu ftehim għall-paċi potenzjali. Hu saħaq li l-Ukrajna tinsab lesta biex ma tkomplix tattakka lis-settur tal-enerġija tar-Russja jekk kemm-il darba l-Kremlin juri ftit tad-dispożizzjoni għall-paċi.
//= $special ?>

