Opinjoni

Opinjoni: Iż-żmien li ġej

Fil-burdata li jinsab fiha l-poplu hu ċar li m’hemmx aptit għal diskussjonijiet politiċi. Wisq inqas argumenti li diversi qed jindikaw li mhumiex ippreparati li jidħlu għalihom

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

  1. Ħafna diġà qed jaħsbu fuq affarijiet oħra. Forsi hemm wisq minn dawk li huma minuri u dawk veri li qed jiġu ttraskurati. Forsi wkoll, iż-żmien tas-sena li ħafna ma jridu xejn li jneħħilhom mill-isbuħija tiegħu.
    Forsi wkoll preparazzjoni għas-sena li ġejja f’dak kollu li titlob mingħandna. Forsi wkoll ġabra ta’ kollox, li twassal sabiex il-pajjiż irid biss iktar paċi u stabbiltà fl-inċertezza umana li jgħix.

Mess magħha

  1. F’dan huwa indikattiv li tul din il-ġimgħa l-Gvern, fl-aġenda parlamentari tiegħu, għażel li jkollna dibattitu fuq il-liġi li ż-żewġ naħat tal-Kamra jaqblu magħha.
    Suġġett politiku ‘newtralissimu’ li wħud daħlu biex jesprimu approvazzjoni għalih. Għax għalkemm l-abbozz seta’ kien ippreparat aħjar u seta’ wkoll ikun hemm diskussjoni mal-Oppożizzjoni dwaru, xorta bażikament hemm punti ta’ konverġenza f’li tiddikjara s-27 ta’ Diċembru bħala l-Jum li fih għandna nfakkru u niċċelebraw l-Innu Nazzjonali tagħna.
    Dak l-Innu li ilu jindaqq mill-1922 b’saħħa u identità nazzjonali. Kif l-istess il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni tal-Belt Valletta bħala l-belt kapitali tal-pajjiż. It-tnejn fil-Kostituzzjoni tagħna u li għalihom hemm qbil.
    Jekk kellhiex
  2. Indipendentement jekk kellhiex issir jew le, issa huwa ċar li l-Gvern fehem li għandu bżonn jibdel l-aġenda nazzjonali. Dan fid-dawl tal-fatt li l-kampanja indirizzata sabiex tindika l-Baġit bħala l-aqwa u l-aħjar li qatt sar, u għalhekk mument ta’ ċelebrazzjoni, ma rnexxietx wisq.
    Punt li jrid jingħad kull sena, jiġi ppruvat u daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra, imut wara ftit jiem. Din id-darba wara ġimgħa, proprju għax il-Gvern stess aġixxa sabiex involontarjament jibdel huwa stess l-aġenda.
    Iktar u iktar b’imġiba ta’ bnedmin fil-poter li mhumiex id f’id ma’ dak mistenni minnhom. Imma, kif nafu, kull gvern jaħseb li jista’ jikkontrolla kollox, inkluż dak li jaħsbu l-bnedmin.
    Għax huwa hekk, dħalna f’din il-fażi differenti, forsi inqas konfrontattiva, li hija sinjal ta’ direzzjoni li wieħed għandu jżomm quddiemu, nittamaw għall-futur.
    Ċpar politiku
  3. Ħafna mumenti, fid-dibattitu qawwi li jsegwi fuq ħwejjeġ li fil-verità huma trivjali, u dan fis-sens li m’għandhomx effett fuq il-ħajja tal-bnedmin fuq dawn il-gżejjer, iqum it-trab.
    Dak li ma jħallix lil kulħadd iħares ’il quddiem u jifhem x’inhuma l-isfidi li s-soċjetà tmiss magħhom. Mentri meta d-diskussjoni ssir b’mod iktar viċin iċ-ċiviltà u l-użu tar-raġuni oġġettiv, l-arja tiċċara. Dan, f’moħħ uħud, daqqa jaqbel lill-Gvern u daqqa le.
    Imma dejjem jaqbel lill-poplu, li jsir jaf il-fatti u jkun kapaċi jifhem u jqis dak li huma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tas-sitwazzjoni. L-Oppożizzjoni ngħid li wkoll għandu jkollha iktar interess li jkun hemm djalogu politiku u li dan isir fil-qies tad-demokrazija.
    Użu tal-moderazzjoni, u f’dan proċess sabiex wieħed jifhem iktar il-pożizzjoni vera tal-affarijiet, il-fatti konkreti li l-Istat ma jiddikjarax.

Waqt li niġbru

  1. F’dan, wieħed irid jifhem iktar l-arja politika u soċjali preżenti. Dan iktar fil-linja li kif inbena lura fis-snin, ser isiru numru ta’ ġabriet intenzjonati sabiex jgħinu lil dawk li jinsabu fi stat inqas minn oħrajn.
    Dawk li l-Istat Soċjali tagħna, bil-kumplikazzjonijiet tiegħu, ma jilħaqx. Dawk li ma jissemmewx imma li jinsabu hemm. Dawk li huma moħbija għax hekk iridu, jew inkella għax ħadd ma jidentifikahom salv dawk li jsibu lil min iħabbat il-bibien tagħhom.
    Anki jekk m’hemmx iċ-ċifri ċari, u anki jekk hemm miljuni vvutati, xorta hemm bnedmin li jsibu li jridu jikkumbattu iktar minn oħrajn biex jgħixu jew biex ikollhom forma ta’ dinjità fl-eżistenza tagħhom. Huwa pass iktar ’il quddiem fl-iżvilupp tal-ġustizzja soċjali legali.

Dawk li huma fil-ġenb

  1. Meta tkun fil-Gvern huwa proċess ‘normali’ li tinqata’ minn mal-poplu. L-eżistenza tiegħu sabiex permezz tagħha jkun jista’ jifhem dak li għaddej verament tonqos sew.
    Ħafna drabi jaġixxi fuq il-memorja passata ta’ dak li ra, ġarrab hu u oħrajn. Wara, biċċa biċċa, dik il-viċinanza ssir distanza. Proprju f’dan iktar ngħid li min għandu l-poter f’idejh irid jilbes iktar umiltà u jrid iktar bnedmin li jgħaddulu lura r-realtà li nqata’ minnha.
    Jekk ser insibu diversi li jitolbu iktar flus għal dawk li għandhom iktar bżonn, dan proprju minnu nnifsu jfisser li hemm bżonn naraw kif il-ġid komuni qiegħed jitqassam. Fejn huma l-prijoritajiet tagħna u kif qed nibnu l-aġenda politika nazzjonali tagħna.

Għad għandna

  1. Il-mediċina, fl-iżvilupp tagħha, hija kważi konsegwenza li aktar ma tavvanza iktar ser toffri kuri. Imma hemm prezz. Għax nafu li dawn, ħafna minnhom jiswew sew u huma barra minn dak li qiegħed joffri l-Istat.
    Anke jekk hemm dawk li b’xi mod jorqdu u jqumu taħt saqaf dan ma jemmnuhx, il-fatt hu li għandna iktar bnedmin li m’għandhomx saqaf fuq rashom. Dawk li jorqdu fil-karozzi jew fejn isibu.
    It-tnejn huma l-isfidi moderni f’dan l-ewwel kwart tas-seklu li tajjeb li jiġu diskussi u indirizzati.
    Jeżistu, u allura jridu jiġu kkunsidrati b’mod oġġettiv. Huwa proċess li jitlob mingħandna li nħarsu lejh. Il-fatt li mhuwiex diskuss politikament ma jfissirx li ma jeżistix.

Nibqa’ nemmen

  1. F’dan nibqa’ nemmen fil-politika t-tajba. Dik li kapaċi tibdel il-ħajja tal-bniedem. Dik li tħares ’il quddiem biex tifhem u taffronta sewwa l-affarijiet. Nibqa’ nemmen fil-forza tal-pinna li twassal il-messaġġ u tqanqal il-punt.
    Għax tul dan ix-xahar, mingħajr ma nafu qed immissu ma’ dik li hija l-fruntiera l-ġdida għall-Istat Soċjali tagħna. Dak li għaddejjin minnu għandu jkun lezzjoni għal gvern differenti li jaqbad linja oħra ta’ kif taffronta problemi bħal dawn.
    Dak li huwa bażikament fil-pedament. Dak li ser ikun mistenni mill-Partit Nazzjonalista fiż-żmien li ġej.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 7 ta’ Diċembru, 2025.