Opinjoni

Opinjoni: Min iħawwad fil-borma, jixrob minnha

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Fil-karriera politika tiegħi, qajla ktibt artikli li jispeċifikaw direttament dwar politiċi li jkunu fiċ-ċentru tal-kontroversja. Inħoss li għandi dejjem nirrispetta lill-persuna qabel lill-politiku, imma hemm mumenti fejn iżżejjed ikun litteralment iżżejjed. Matul dawn l-aħħar jiem, il-Ministru tal-Akkomodazzjoni Affordabbli Roderick Galdes kien fl-aħbarijiet minħabba kontorversja straordinarja għaliex ġie żvelat li kiseb penthouse, bl-arja u bil-garaxx f’Għawdex – mingħand Joseph Portelli – għall-prezz affordabbli (ironikament!) ta’ €140,000 biss!
Anke jekk kellna naċċettaw l-argumenti kollha li qiegħed iġib il-Ministru sa issa – jiġifieri li dik il-proprejtà kienet skont il-valur tas-suq – il-fatt li l-bejgħ tagħha seħħ fl-istess perjodu li fih l-istess kuntrattur (Joseph Portelli) kera aktar minn 100 appartament lill-Awtorità tad-Djar, iqajjem dubji serji dwar kunflitti ta’ interess u kollużjoni fil-proċess tal-akkwist. Etikament, kien mistenni dejjem, li la darba l-Ministru Galdes kien qiegħed jinnegozja ma’ Portelli abbażi tal-kompetenza Ministerjali, ma kellu qatt jinvolvi ruħu personalment biex jixtri l-proprejtà għalih!

Insult lill-kumplament tal-Maltin
Irrid ngħid, li l-iżviluppaturi qegħdin isostnu li l-prezz ma kienx preferenzjali, iżda diversi analisti u fatt-checkers qabblu l-prezz ma’ proprjetajiet simili u kkonkludew li jidher li l-prezz kien relattivament baxx – insult lill-Maltin li qegħdin għarkopptejhom iħallsu l-loans biex ikollhom gabuba fejn jgħixu!
Nafu li s-suq tal-propjetà f’Malta qed ikompli jikber b’ritmu mgħaġġel. L-istatistika tal-aħħar sena turi li l-medja tal-prezzijiet mitluba għal appartament ta’ ċertu livell żdiedet minn madwar €374,000 għal €414,600, filwaqt li l-prezz għal kull metru kwadru żdied b’mod sostanzjali. Barra minn hekk, l-Indiċi tal-Prezzijiet tar-Residenzi żdied b’aktar minn 5% sena fuq sena. Minkejja li r-rata ta’ sidien ta’ dar f’Malta tibqa’ għolja (aktar minn 80%), iż-żieda kontinwa fil-prezzijiet u t-tnaqqis fid-daqs tal-appartamenti qed jagħmluha kważi impossibbli lill-maġġoranza taż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tal-bini. Tajjeb li nsemmu wkoll, li minkejja d-diffikulatjiet bil-banek, l-għażliet qegħdin dejjem jonqsu u l-prezzijiet biex proprjetà tingħalaq kompletament saru esaġerati żżejjed meta kkomparati mal-qliegħ tal-koppji medji. Għal ħafna familji u koppji żgħażagħ, ix-xiri tal-ewwel dar hija sfida soċjoekonomika li qiegħd tħalli impatt sever fuqhom. Mill-banda l-oħra, ftit huma dawk il-familji – anke stabbiliti – li jaffordjaw jixtru t-tieni proprjetà tagħhom.
Hawnhekk, għall-fini tal-argument, xtaqt nagħti time-line ta’ kif seħħew l-affarijiet sabiex inkunu qegħdin nifhmu pass pass. Fl-2021, Roderick Galdes ħallas depożitu ta’ €5,000 biex jibbukkja l-penthouse bil-garaxx fil-proġett ta’ Ħal Gelmus f’Għawdex. Huwa mifhum li l-prezz ġie ffissat qabel il-kostruzzjoni. Fl-2022, jiġi ffirmat konvenju għal penthouse oħra imma iżgħar u mingħajr il-garaxx għal prezz ogħla ta’ €185,000. Fl-2024, il-Kumpaniji Excel Investments / Excel Housing jikru 104 appartamenti lill-Awtorità tad-Djar (li tagħha huwa Ministru Galdes) taħt skema governattiva għal Housing affordabbli. Din hija l-istess kumpanija li magħha nnegozja personalment Roderick Galdes. Fil-bidu tal-2024, Galdes jiffirma l-konvenju għall-penthouse tiegħu bil-garaxx. F’Jannar tal-2025, isir il-kuntratt finali: għalhekk Glades issa jsir sid il-penthouse mixtrija biss għal €140,000!
L-aktar punt kritiku minn dan kollu huwa li l-istess negozjaturi li mingħandhom Galdes xtara l-penthouse tiegħu fil-kapaċità personali tiegħu, fl-istess perjodu, kienu qegħdin jinnegozjaw mal-istess Galdes fil-kapaċità tiegħu ta’ Ministru. Huwa evidenti, li Galdes ibbenifika minn “ħbiberija” mal-iżviluppaturi inkwistjoni biex jiggwadanja huwa stess. Il-prezz tal-proprjetà abbażi ta’ fact-checkers li ta’ min joqgħod fuqhom, jikkonfermaw li anke jekk sar ftehim fl-2021, tali penthouse qatt ma kellha tkun tistwa €140,000 anke ġaladarba, penthouse iżgħar u mingħajr garaxx inbiegħet b’€45,000 aktar – aktar minn 30% aktar!

Inaċċettabbli
Għalkemm, u anke jekk transazzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu legali jew għandhom bażi legali, il-kwistjoni ewlenija tibqa’ dik tal-etika pubblika. Ministru responsabbli mill-politika tal-akkomodazzjoni għandu jevita kull kunflitt li jista’ jkollu f’relazzjonijiet kummerċjali ma’ żviluppaturi (f’dan il-każ) li jibbenefikaw direttament minn deċiżjonijiet jew skemi taħt il-ministeru tiegħu. Il-każ ta’ Galdes u l-konnessjoni tiegħu mal-grupp ta’ Portelli qed titqies minn ħafna bħala inaċċettabbli u xhieda ta’ nuqqas serju ta’ trasparenza. F’dan il-kuntest, il-każ ta’ Roderick Galdes jagħti daqqa oħra lill-fiduċja pubblika.
Dan il-każ għandu jkun sinjal ċar għall-awtoritajiet li hemm bżonn aktar sorveljanza, aktar trasparenza u standards etiċi aktar għoljin fil-politika Maltija — speċjalment f’oqsma sensittivi bħal dak tal-akkomodazzjoni.
Roderick Galdes, ma għandux għażla quddiem dan kollu – imma għandu jirriżenja.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 10 ta’ Diċembru, 2025.