Lokali Qorti

Probation flok priġunerija għal omm għal ġid tat-tifel

Mara li ammettiet li ħadet lil binha minn Malta illegalment tressqet il-Qorti fejn, minflok priġunerija, ingħatat ordni ta’ probation ta’ tliet snin. Il-Qorti waslet għal din id-deċiżjoni wara li qieset li piena ta’ ħabs kienu se jikkawżaw ħsara sproporzjonata lit-tifel, li diġà qed juri problemi serji fil-komportament u fl-istabbiltà emozzjonali.

Il-każ beda wara li l-missier tat-tifel mar jirrapporta l-istorja fl-għassa tal-Bormla, fejn sostna li l-omm kienet ħadet lit-tifel barra minn Malta mingħajr ma għarrfitu, minkejja li kellhom ftehim li kull vjaġġ barra l-pajjiż seta’ jsir biss b’kunsens reċiproku. L-‘Immigration’ ikkonfermat li t-tifel kien ivvjaġġa lejn il-Libja, filwaqt li rappreżentant minn Identità kixef li l-passaport tat-tifel kien inħareġ mill-Ambaxxata ta’ Malta fil-Libja mingħajr il-firma tal-missier.

Ix-xhieda tal-missier żvelat li t-tifel kien irkupra mill-kanċer fl-2019 u dak iż-żmien kien ġie ftehim li l-omm tieħu lit-tifel Għawdex għal tlett ijiem, meta hu kellu siegħa aċċess skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Familja. Kien ukoll ftehim li t-tifel iqatta’ l-Milied miegħu, iżda meta mar jiġbor lit-tifel mid-dar tal-mara, ġie infurmat li l-omm u t-tifel kienu neqsin għal ħamest ijiem u ħadd ma kien jaf fejn kienu.

Il-missier ipprova jikkuntattja lill-omm permezz ta’ WhatsApp iżda qatt ma rċieva risposta. Eventwalment sar jaf li t-tifel kien irritorna Malta meta s-sieħba tiegħu, li taħdem bħala sewwieqa ta’ vann tal-iskola, semgħet ismu jissejjaħ fl-iskola primarja li jattendi.

Fil-Qorti, il-missier ċaħad li meta t-tifel kien marid kien jagħmel xeni jew kien dipendenti fuq id-drogi, u ppreżenta estratti bankarji biex juri li kien sostna lill-omm u lit-tifel meta dawn irritornaw Malta. Esperta fil-psikoloġija qalet li kienet ippreparat rapport għall-omm u kkonfermat li l-mara kienet għexet fil-Libja għal sentejn u nofs qabel irritornat.

Qalet ukoll li kienet talbet għajnuna psikoloġika għall-problemi li beda juri t-tifel. Rappreżentanta mid-Direttorat għall-Protezzjoni tat-Tfal spjegat li, fl-aħjar interess tat-tifel, kienet irrakkomandat lill-Qorti tal-Familja biex il-minuri jgħix mal-missier, anke minħabba l-istabbiltà li seta’ joffrilu.

Kienet saħqet li t-tifel kien jeħtieġ struttura u kura konsistenti. Kif ġara, il-pulizija kellhom jintervjenu biex ineħħu lit-tifel mir-residenza tal-omm wara rapporti tal-istess omm li t-tifel kien qed jagħmel atti ta’ aggressività, mhux biss lejha, iżda wkoll lejn ħutu.

It-tabib Daniel Vella Fondacaro, li kkura lit-tifel għal sentejn, ikkonferma li t-tifel qed ibati minn “attachment disorder”, kundizzjoni li toriġina minn ambjent familjari instabbli fl-ewwel snin tal-ħajja. Il-psikjatra żied li kien essenzjali li l-ġenituri jingħaqdu f’terapija tal-familja u li ko-parenting strutturat kien l-aktar mezz adattat ta’ riabilitazzjoni għat-tifel.

Meta l-akkużata ammettiet fil-bidu tal-proċeduri, il-Qorti mxiet għall-kundanna. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit irrimarkat li l-piena kriminali mhix għodda ta’ vendetta soċjali iżda mezz biex iseħħ it-titjib u r-riabilitazzjoni. Irreferiet għal riċerka estensiva li turi kif ulied il-ħatjin li jispiċċaw il-ħabs spiss ibatu ħsara psikoloġika, akkademika u soċjali.

Fid-dawl tal-problemi serji u diġà stabbiliti fit-tifel, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet konsistenti tal-esperti għat-terapija konġunta u għall-kontinwità fil-kura, il-Qorti qieset li l-ħabs kien jagħmel aktar dannu milli ġid.

Il-Qorti għalhekk imponiet ordni ta’ probation ta’ tliet snin fuq l-omm, u enfasizzat il-ħtieġa ta’ terapija kontinwa tal-familja u ta’ ko-parenting sabiex lit-tifel tingħatalu l-istabbiltà li għandu bżonn. Il-Qorti wkoll irrimarkat li, minkejja li ċ-ċitazzjoni tal-Pulizija kienet tinkludi erba’ akkużi, in-nota ta’ riferiment għall-ġudikatura mill-Avukat Ġenerali kienet tinkludi biss tnejn.

Peress li din in-nota taħdem bħala l-akkuża formali, il-Qorti ma setgħetx teżamina żewġ akkużi li ma kinux inklużi u għalhekk astjeniet milli tieħu konjizzjoni tagħhom. L-omm ammettiet l-ewwel żewġ akkużi u l-każ inqata’ fuqhom.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Kitcher, filwaqt li l-avukat Stefano Filletti deher għall-akkużata.