Local Lokali Qorti

Raġel jammetti l-akkużi b’rabta ma’ serqa minn ħanut tal-merċa qed jistenna li jgħaddi ġuri fuq qtil

Investigazzjonijiet b’rabta ma’ serqa li saret minn ħanut tal-merċa wasslu biex it-Tlieta filgħodu, l-allegat suspettat, raġel ta’ 29 sena mill-Ghana, ġie arrestat u tressaq il-Qorti l-Erbgħa kmieni wara nofs inhar u ammetta l-akkużi. Amo Frank Kwaku, qed jistenna li jgħaddi ġuri dwar qtil, reġa’ tressaq il-Qorti, issa akkużat b’serq armat u ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.

Kwaku qed jiffaċċja proċeduri separati dwar l-omiċidju ta’ Isaac Kwabena Kyere, żagħżugħ ta’ 23 sena li nstab maqtul b’daqqiet ta’ sikkina fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa. L-akkużat kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fil-każ tal-2021 iżda issa qed jiġi akkużat li kiser dawn il-kundizzjonijiet.

Fil-Qorti l-Erbgħa, Kwaku ġie akkużat li wettaq serq armat mit-Together Convenience Store f’Santa Venera. Huwa ġie mixli wkoll li żamm mara kontra r-rieda tagħha, li weġġagħha ħafif u li kien fil-pussess ta’ oġġett imqattar mingħajr liċenzja. Barra minn hekk, ġie akkużat li kiser żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ bail, fosthom dak li ngħata fil-każ tal-qtil.

F’Diċembru 2024, filwaqt li kien ħieles taħt kundizzjonijiet, l-arrest tiegħu kien reġa’ ntalab wara li weġġa’ ħafif surġent u kuntistabbli tal-Pulizija, irribatta l-arrest u ma obdiex l-ordnijiet. Anki f’dak il-każ kien ingħata l-ħelsien mill-arrest bi depożitu ta’ €2,500, iżda anke dan il-bail kien miksur. Fil-Qorti, Kwaku ddikjara li jaħdem bħala labourer u li ma għandux indirizz fiss.

Il-validità tal-arrest ma kinitx kontestata. Wara li ġie mwissi dwar il-konsegwenzi tad-dikjarazzjoni tiegħu, Kwaku ammetta l-akkużi kollha. Il-prosekuzzjoni sostniet li għandu jingħata term ta’ ħabs effettiv, u spjegat li l-piena prevista tvarja bejn tliet snin u seba’ xhur u massimu ta’ 15-il sena. L-Ispetturi nnotaw ukoll il-kooperazzjoni tiegħu mal-Pulizija u rrakkomandaw piena qrib il-minimu, kif ukoll ir-revoka tal-bail preċedenti. Id-difiża qablet ma’ dawn is-sottomissjonijiet.

Is-sentenza mistennija tingħata fil-jiem li ġejjin, fis-16 ta’ Diċembru. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit, Keith Rizzo u Ian Vella flimkien mal-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Miryea Mifsud. Kwaku kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Martina Herrera quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.

Il-każ tas-serqa seħħ fid-29 ta’ Novembru li għadda, meta għal xi d-9:30 ta’ filgħaxija, ħalliel, allegatament armat b’sikkina, daħal f’ħanut li jinsab fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera u talab l-flus lill-kaxxiera, mara ta’ 35 sena min-Nepal. Il-mara ppruvat taħrab però r-raġel żammha. Huwa ħarab mill-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti.

Tim mediku assista lill-mara li ttieħdet permezz ta’ ambulanza l-Isptar Mater Dei għal osservazzjoni, fejn ftit tal-ħin wara ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif.