Albert Marshall ingħata kuntratt bla preċedent biex joqgħod kwiet wara li neħħewh minn Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Arti biex floku nħatar Luke Dalli fuq ordni diretta u indiskutibbli tal-Prim Ministru.
Dwar dan tkellem il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputat Julie Zahra.
Skont storja żvelata llum minn The Shift News, minkejja li tneħħa minn postu aktar kmieni din is-sena, Marshall xorta se jibqa’ jitħallas b’salarju sal-2028 wara li issa kklassifikawh bħala “espert tekniku” imma xorta se jibqa’ jieħu l-paga, l-allowances u l-benefiċċji daqs ta’ CEO, minkejja li ma għadux f’kariga fit-tmexxija.
Għal dan il-kuntratt frott id-diżgwid dwar min għandu jmexxi l-Kunsill tal-Arti wara li l-Ministru Owen Bonnici – li hu responsabbli għal dan il-qasam – ma riedx lil Luke Dalli imma kellu jaċċettah għax ordnawlu minn Kastilja, il-poplu se jispiċċa jħallas €300,000 fuq tliet snin lil Marshall filwaqt li se jħallas aktar minn €300,000 oħra lil Luke Dalli li laħaq minfloku. B’hekk, il-poplu spiċċa jħallas żewġ salarji ħoxnin għal kariga waħda.
Robert Abela ftit ilu qalilna li ma kienx se jippermetti aktar “cushy jobs”. Jekk €300,000 fuq tliet snin talli ma tagħmel xejn mhux “cushy job” mela allura forsi jgħidilna Robert Abela xi jfisser għalih “cushy job”?
Filwaqt li Marshall se jieħu dan il-pakkett straordinarju minkejja li m’għadux fil-kariga, l-artisti u l-komunità kulturali ilhom jinsistu fuq governanza aktar trasparenti, responsabbiltà ġenwina u li l-fondi allokati għall-arti jitqassmu b’mod ġust.
Dan hu Gvern li pperfezzjona “l-arti” tal-isparpaljar tal-flus, filwaqt li lill-artisti ħalliehom jitkarrbu.
Mhux biżżejjed li Robert Abela jistedinhom Kastilja għal quddiem il-kameras. L-artisti ma jaqilgħux l-għajxien tagħhom bl-istunts tal-PR li jivvinta l-Prim Ministru.
Dawk fit-tmexxija qed ikomplu jittrattaw lill-artisti agħar mid-dilettanti filwaqt li l-mijiet tal-eluf li suppost imissu lilhom biex ikomplu jikbru u jimirħu fl-arti qed imorru fil-bwiet ta’ min il-Gvern irid iżomm kwiet.
Il-mod oxxen kif qed jaġixxi l-Gvern tal-Labour jixhed l-arroganza u d-diżrispett ta’ min qed imexxi fil-konfront tal-artisti nfushom, tal-ħaddiema kollha fis-settur kreattiv u tal-poplu li tiegħu huma l-fondi pubbliċi.
Għall-Partit Nazzjonalista huwa inaċċettabbli li filwaqt li mijiet ta’ artisti qed jispiċċaw ikollhom jitkarrbu biex jieħdu dak li ħaqqhom, ħaddieħor qed jiffanga kemm jiflaħ talli ma jagħmel xejn ħlief iżomm ħalqu magħluq.
//= $special ?>

