Lokali Qorti

Seba’ snin ħabs għax ipponta arma kkargata fuq l-eks sieħba f’każ ta’ vjolenza domestika gravi

Il-Qorti tal-Maġistrati kkundannat raġel ta’ 35 sena għal seba’ snin ħabs wara li nstab ħati li kkaġuna vjolenza gravi fuq l-exks sieħba tiegħu, fosthom li pponta arma kkargata fuqha. Dan f’każ li seħħ fid-19 ta’ Diċembru 2021.

Il-maġistrat sabet lil Clayton Grima ħati li weġġgħa gravi lill-mara, li heddidha u żeblaħha, kif ukoll li kien fil-pussess ta’ armi tan-nar mingħajr liċenzja valida. Il-prosekuzzjoni kienet talbet ukoll li jiġi ttrattat bħala riċediv minħabba kundanni preċedenti.

L-Ispettur Sherona Buhagiar ippreżentat fil-Qorti diversi armi u munizzjon li nqabdu għand l-akkużat, fosthom skrataċċ ta’ senter, tliet xkubetti ta’ marki differenti, pistola b’kaxxa ta’ bullets u żewġ shotguns oħra. Ġew ppreżentati wkoll irċevuti relatati max-xiri tal-armi. Xhud mit-Taqsima tal-liċenzji tal-armi kkonferma li l-liċenzji ta’ Grima kienu skadew fl-1 ta’ Jannar 2021.

Il-vittma tat deskrizzjoni dettaljata ta’ dak li ġara. Qalet li dakinhar kienu marru s-suq tal-Ħadd u mbagħad għand ommha flimkien mal-akkużat, ibnu u n-neputija tiegħu. Meta rritornaw id-dar, kien qabad jixrob u ma kienx f’kundizzjoni jsuq.

Il-vittma għalhekk ħadet lit-tfal għand omm l-akkużat, u dan qajjem kjass. Meta reġgħet lura, u qaltlu jitlaq mid-dar, huwa qalilha “Tħallas għal dan”, għolla l-qmis, ħareġ arma minn taħt ħwejġu, żarmaha, niżżilha u ppuntaha lejha. Kif kienet iġġorr pakkett silġ f’idejha, u tagħtu daqqa bih, iżda mbagħad hu ta daqqa ta’ ras u waqqagħha mal-art.

Tabib ikkonferma li l-mara sofriet ksur fin-nofs tal-imnieħer, ferita ta’ natura gravi. It-tifla tal-vittma xehdet ukoll u qalet li semgħet għajjat u theddid, fosthom “Tħallas għal kollox” u “Mhux se tieqaf hawn din”.

Qalet li rat lil ommha mal-art, imdemmija, u lill-eks partner tagħha ħdejn is-sink b’oġġett żgħir f’idu. Fil-filmati tas-CCTV tal-bini fejn tgħix il-vittma, huwa jidher jilgħab b’oġġett fil-but ta’ quddiem tal-hoodie tiegħu.

Filwaqt meta kien interrogat mill-Pulizija kien baqa’ sieket u ma ried iwieġeb ebda mistoqsija, fil-Qorti huwa ta verżjoni kompletament differenti. Sostna li l-vittma laqtitu b’vażun u kissritlu l-kappell t’għajnejh, u li hu sempliċement imbuttaha biex jiddefendi ruħu.

Madankollu, il-Qorti nnotat li qatt ma rrapporta dan l-hekk imsejjaħ attakk, u ċaħad li kellu pistola, minkejja x-xhieda u l-provi. Huwa sostna li l-armi kollha tiegħu kienu maħżuna legalment, iżda kien ċar li l-liċenzja kienet skaduta kważi sena qabel.

Il-Qorti żvelat bosta kontradizzjonijiet fil-verżjoni tiegħu, fosthom dwar ferita fuq wiċċu li allegatament ġiet minn vażun, meta fil-verità kienet dovuta għal titqiba li ssir għal misluta, li ċaħad li kellu, minkejja li kemm l-espert kif ukoll ommu kkonfermaw mod ieħor. Il-maġistrat iddeskriviet it-testimonjanza tiegħu bħala “mgħawġa” u mimlija invenzjonijiet.

Min-naħa l-oħra, ix-xhieda tal-vittma u ta’ bintha nstabu koerenti, affidabbli u kredibbli, u l-Qorti ma kellha l-ebda dubju dwarhom. Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li l-provi kollha kienu jikkonfermaw il-ħtija tal-akkużat fuq l-akkużi kollha.

Is-sentenza kellha tirrifletti s-serjetà tal-inċident u l-fatt li r-raġel ma wera l-ebda riforma, b’żewġ kundanni oħra li żdiedu mar-rekord kriminali tiegħu. Il-Qorti sostniet li f’każijiet ta’ vjolenza fuq il-persuna, speċjalment meta jinvolvu armi tan-nar, hija meħtieġa piena effettiva ta’ ħabs biex jintbagħat messaġġ ta’ deterrent kemm lill-ħati kif ukoll lis-soċjetà.

Il-vjolenza domestika u l-użu tal-armi, qalet il-Qorti, ma jistgħux jiġu ttollerati. Il-Qorti għalhekk ikkundannat lill-akkużat għal seba’ snin ħabs, ordnatlu jħallas €572 f’ispejjeż tal-esperti, u imponiet ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin favur il-vittmi. Ordni oħra kienet li l-armi kollha għandhom jinqerdu.

Il-kawża saret quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.