Lokali

Sedqa tniedi ktieb dwar mocktails – alternattiva għax-xorb alkoħoliku

L-Aġenzija Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, bil-kollaborazzjoni tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, nediet ktejjeb ta’ riċetti ta’ mocktails differenti.

Il-mocktails huma xarbiet kreattivi, li jixbħu lill-cocktails alkoħoliċi, iżda ma jkun fihom l-ebda alkoħol, bl-għan li jservu lill-familji, liż-żgħażagħ u lill-professjonisti fis-settur tal-ospitalità, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ festi. Dan il-ktejjeb bir-riċetti tal-mocktails għandu l-għan li jsaħħaħ il-kuxjenza dwar alternattivi friski u attraenti li jistgħu jitħalltu u jiġu offruti fi kwalunkwe ambjent, mingħajr ir-riskji assoċjati mal-alkoħol.

Inizjattiva kemxejn differenti, li twassal messaġġ b’saħħtu li biex tieħu gost jew tiddeverti m’għandekx għalfejn tixrob jew tabbuża mix-xorb jew mid-droga. Dettalji dwar dan kollu ngħataw nhar l-Erbgħa filgħodu, fil-Kampus tal-ITS, f’Ħal Luqa.

L-Aġenzija Sedqa ħadet din l-inizzjattiva bħala parti mill-impenn kontinwu tagħha biex tippromwovi stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha u għażliet responsabbli f’avvenimenti soċjali.

Sedqa u l-FSWS irringrazzjaw lill-ITS u lill-kumpanija Farsons għall-kollaborazzjoni siewja tagħhom. Il-kontribut tagħhom kien essenzjali biex jinħoloq prodott ta’ kwalità li jista’ jintuża kemm fil-komunità kif ukoll fil-qasam tal-ospitalità. Kopji tal-ktejjeb se jkunu disponibbli għall-pubbliku permezz tas-servizzi ta’ Aġenzija Sedqa.