Knisja Kultura Lokali

Xogħol imprezzabbli fuq il-pittura tal-‘Madonna ta’ Carafa’

Ir-restawr fuq il-pittura tal-‘Madonna ta’ Carafa’ reġa’ ta l-ħajja lil din l-opra tal-arti li tmur lura għall-bidu tas-Seklu Sbatax.

Fil-fatt, din il-pittura biż-żejt kienet maħduma fl-Italja fuq talba ta’ Girolomo Carafa fl-1601 għall-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Carafa kien ispirat minn affresk ieħor tas-Seklu 15 tal-Lunzjata, li l-Maltin kienu tant devoti lejh. U l-komunità Maltija bdiet tagħraf ix-xogħol il-ġdid ta’ dan il-pittur famuż bħala l-‘Madonna ta’ Carafa’.

Fl-aħħar jiem, din il-pittura kienet għall-wiri – titgawda fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. U magħha, jispikka x-xogħol tal-fidda u s-sengħa straordinarja li biha nħadmet.

Il-wirja issa ġiet trasferita għall-Kappella ta’ Philermos li diġà hu mimli teżori li jgħaqqdu l-identità rikka tagħna l-Maltin mal-passat.

Fl-imgħoddi, kull sena – nhar it-8 ta’ Diċembru – kienet issir purċissjoni b’din ix-xbieha, mill-Kon-Katidral sal-Knisja Ta’ Sarrija.

Il-purċissjoni nqatgħet f’nofs is-snin disgħin u kienet issir b’din ix-xbieha antika tal-Madonna li ngħatat bħala rigal mill-Gran Mastru Carafa – u li għall-ewwel kienet fil-kappella tal-Italja.