Lokali

Approvata binja ta’ 5 sulari quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà kontra x-xewqa tal-Kunsill Lokali u r-residenti

L-Awtorità tal-Ippjanar baqgħet għaddejja romblu minn fuq il-vot li ttieħed fil-Kunsill Lokali ta’ Tal-Pietà u approvat proġett ta’ ħames sulari fi Triq Santa Monika. Din il-binja se tkun proprju quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima.

Il-Kunsill Lokali ta’ Tal-Pietà b’mod unanimu f’Marzu li għadda, (kemm minn naħa tal-Partit Laburista kif ukoll minn naħa tal-Partit Nazzjonalista) kien ivvotta biex din it-Triq fil-qalba tal-lokalità, u li tinkludi ħafna djar b’għoli ta’ madwar 2 sulari, tiġi inkluż fil-UCA.

Madanakollu din it-talba ġiet injorata u baqgħet fuq l-ixkaffa, u għalhekk l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet l-opportunità biex tapprova din il-binja ta’ ħames sulari.

Net News jinsab infurmat li kien hemm diversi talbiet għal binjiet simili u f’kull istanza l-Kunsill Lokali kien kontra binjiet ta’ din il-kwalità. Però, l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet vantaġġ minn dan il-perjodu fejn din it-triq għal xi raġuni ma ġietx inkluża fiz-zona UCA u approvat din il-binja li se tkun qed tirrovina mhux biss l-iskyline imma diversi affarijiet oħra.

Din it-triq tinkludi diversi djar li kienu mibnija fis-seklu 20 fuq għoli ta’ żewġ sulari… u għalhekk din id-deċiżjoni se tkun qed tħalli impatt negattiv fuq il-karattru ta’ din it-Triq, b’diversi residenti jilmentaw li din id-deċiżjoni għandha tiġi rtirata.

Iz-zuntier tal-knisja jservi wkoll għal diversi attivitajiet li jsiru fi żmien il-festa ta’ din il-lokalità u attivitajiet oħra tal-komunità u b’hekk din id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li ttieħdet kontra x-xewqa tal-Kunsill Lokali, se tħalli impatt anke fuq attivitajiet bħal dawn, hekk kif il-faċċata issa se tinkludi binja b’għoli differenti.