Lokali Saħħa

Il-Gvern ma kkonsultax mal-esperti qabel ħabbar il-faċilità tal-iffriżar tal-bajda u l-isperma biex jintużaw aktar tard fil-proċess tal-IVF

Il-PN jilqa’ l-miżura mħabbra, madanakollu jistaqsi wkoll jekk is-servizz nazzjonali tas-saħħa hux attrezzat biex jilqa’ għaliha

Filwaqt li jilqa’ l-fatt li s-servizz nazzjonali tas-saħħa se jibda joffri l-faċilità tal-iffriżar tal-bajda u l-isperma biex jintużaw aktar ’il qudiem fil-proċess tal-IVF, il-Partit Nazzjonalista huwa preokkupat li dwar kwistjoni daqstant delikata ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-professjonisti u l-esperti f’dan il-qasam qabel ma l-Gvern ħabbar dan l-iżvilupp.

Bħalma ġara fil-każ taż-żidiet fit-tariffi tar-reġistrazzjoni tal-mediċini, anke f’dan il-każ, il-konsulenti tas-saħħa mhux talli ma ġewx konsultati imma talli jidher li lanqas biss ġew infurmati minn qabel.

Dwar dan tkellem dalgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta, flimkien max-Shadow Minister għas-Saħħa Stephen Spiteri, żar l-Isptar St Thomas f’Ħal Qormi fejn intlaqa’ mid-Direttur ta’ dan l-isptar privat it-Tabib Louis Buhagiar.

Il-Kap tal-PN qal li l-Partit Nazzjonalista huwa favur l-IVF għax huwa favur il-ħajja, u favur kull soluzzjoni li tagħti l-ħajja.

Madanakollu, fir-rigward ta’ dak li ħabbar il-Ministru għas-Saħħa jumejn ilu, ma jistax ma jistaqsix ukoll fuq liema kriterji ġie deċiż li s-servizz jibda jingħata lil dawk sa minn età bikrija ta’ 18-il sena sa 34 sena, speċjalment meta f’pajjiżi oħra l-età medja għal dan is-servizz hija dik ta’ 31 sena. Huwa wkoll fatt magħruf li aktar ma wieħed jikber fl-età aktar jista’ jiġi bżonn din il-faċilità u allura mhux ċar għalfejn mhux se jibbenefikaw dawk li jixtiequ jsiru ġenituri u jkunu għalqu l-35 sena.

Alex Borg staqsa wkoll jekk l-Isptar Mater Dei hux attrezzat għal xi ħaġa bħal din u jekk is-servizz tas-saħħa jiflaħx għal din il-bidla, u fakkar kif dan il-Gvern fil-passat ukoll kien wiegħed li jbaxxi l-età tal-għoti tas-servizz tal-mammogram lin-nisa minn 50 għal 45 sena, imma mbagħad skopra li dan ma kienx vijabbli, b’din il-wegħda tiġi skartata.

Fl-Isptar St Thomas, intant, il-Kap tal-PN iddawwar mad-Dipartiment tal-Emerġenza u ddaħal jara wkoll id-Dipartiment tar-Radjoloġija fejn iltaqa’ wkoll mal-ħaddiema.

Dan l-isptar – li se jkun qed jibni estensjoni ġdida biex iżid mat-tletin sodda li għandu – għadu kif ħabbar ukoll li d-Dipartiment tal-Emerġenza tiegħu issa se jibda jipprovdi servizz 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa – deċiżjoni li ttieħdet wara li aktar kmieni din is-sena l-Gvern iffirma ftehim biex każi ta’ kura tal-emerġenza li ma jkunux urġenti jiġu mgħoddija għand l-isptarijiet privati biex jittaffa l-piż minn fuq is-servizz nazzjonali tas-saħħa.

Proprju dwar dan, it-tmexxija tal-Isptar St Thomas u l-Oppożizzjoni qablu fuq il-ħtieġa li l-public-private partnerships fil-qasam tas-saħħa ma jkunux biss xi ħaġa li jkollna nirrikorru għaliha f’mumenti ta’ kriżi u meta l-isptarijiet tal-gvern ma jkunux qed ilaħħqu, imma jkun hemm pjan biex is-sħubija bejn il-gvern u l-privat fis-saħħa tkun xi ħaġa strutturata u permanenti.

Iż-żewġ naħat qablu wkoll fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati kemm jista’ jkun malajr il-problemi kbar li għandu pajjiżna fil-qasam tas-saħħa, speċjalment bl-isptarijiet li mhux ilaħħqu minħabba l-popolazzjoni li qiegħda dejjem tiżdied. Qablu wkoll li minħabba s-saga ta’ Vitals u Steward mhux biss intilfu flus imma anke ntilef wisq żmien, meta l-pajjiż għandu ħtieġa urġenti li jkollu t-tieni sptar li jilqa’ għall-bżonniijet tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Kap tal-PN semma wkoll il-proposta tal-Partit Nazzjonalista intiża li tkompli tħajjar aktar nies jagħmlu użu mis-servizzi tal-privat fis-saħħa; dik li Gvern ġdid Nazzjonalista jikkunsidra li parti mill-kontribuzzjonijiet tal-bolla jmorru għal forma ta’ assigurazzjoni privata tas-saħħa. Dan biex jiġi żgurat li n-nies ikollhom aċċess għall-isptarijiet privati meta u jekk ikun hemm il-ħtieġa.

Jakkumpanjaw lil Alex Borg waqt iż-żjara fis-St Thomas Hospital kien hemm ukoll iż-żewġt itfal ta’ Louis Buhagiar, Dr Kristen Buhagiar – li hija Direttur Mediku tal-isptar, u Angele Falzon li tokkupa l-kariga ta’ CEO.

Il-Grupp Healthcare First, li jmexxi dan l-isptar li fetaħ uffiċjalment fl-2016, imexxi wkoll l-Isptar Good Samaritan f’San Pawl il-Baħar u żewġt idjar tal-anzjani – Jasmine Nursing Home u Casa Serena.

Il-grupp jimpjega mal-mitejn ruħ, 70 minnhom fl-Isptar St Thomas.