Lokali Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew japprova għajnuniet ġodda għall-produtturi tal-inbid

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropew laħqu ftehim biex jaġġornaw il-politika Ewropea dwar is-settur tal-produzzjoni tal-inbid, bl-oġġettiv li dan jibqa’ kompetittiv, jadatta għall-bidliet klimatiċi u jilħaq l-aspettattivi tal-konsumaturi tal-lum.

Il-ftehim jikkommetti wkoll aktar appoġġ finanzjarju għall-produtturi tal-inbid, inkluż biex dawn isaħħu l-esportazzjoni u biex jiżviluppaw niċċa turistika f’dan is-settur, li jservi wkoll ta’ inċentiv ekonomiku għal zoni rurali. Permezz tal-fondi Ewropej, il-produtturi se jkunu jistgħu jkopru sa 80% tal-ispejjeż eliġibbli għal investimenti b’rabta mal-klima, bl-għan li jibdew jiddaħħlu prattiċi iktar sostenibbli fis-settur. Se tissaħħaħ ukoll l-għajnuna għal reklamar aktar b’saħħtu u konsistenti barra l-Unjoni Ewropea.

L-istituzzjonijiet ftehmu wkoll li jissimplikaw ir-regoli dwar it-tikkettar tal-inbejjed madwar l-UE, bl-għan li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jissaħħaħ il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-konsumaturi jkollhom informazzjoni aktar ċara fuq dak li qed jikkunsmaw.

Se jiddaħħlu wkoll regoli aktar ċari għal inbejjed mingħajr alkoħol u għal dawk b’livell baxx.

Dan il-ftehim intlaqa’ b’mod pożittiv minn bosta gruppi li jirrappreżentaw lill-produtturi madwar l-Ewropa. Il-Kumitat Ewropew tal-Kumpaniji tal-Inbid (CEEV) sostna li dan il-ftehim jirriffletti t-tħassib tal-produtturi u se jservi ta’ pass importanti favur it-tisħiħ tal-kompetittività tal-inbejjed Ewropej.

Marzia Varvaglione, President tas-CEEV qalet li dan il-ftehim joffri pakkett legali tajjeb, inizjattivi favur il-promozzjoni, investiment fit-turiżmu marbut mal-inbid u jirrifletti talbiet li ilhom isiru mill-operaturi biex l-enfasi jkun fuq għodda mmirati għas-suq.

B’kollox, hu stmat, li fl-Ewropa jiġu kkunsmati madwar 12-il biljun litri nbid fis-sena, ftit inqas min-nofs mill-konsum totali madwar id-dinja. Madankollu, il-livell ta’ konsum ivarjaw drastikament bejn naħat differenti tal-kontinent, b’din ix-xarba tkun aktar popolari f’pajjiżi Mediterranji bħal Franza, l-Italja, Spanja u l-Portugall. Min-naħa l-oħra, il-konsum fit-Tramuntana u l-Lvant tal-Ewropa huwa ferm inqas. Statistika tal-2023 turi li Malta timporta aktar minn ħames miljun litru nbid fis-sena.

Biex jidħol fis-seħħ, il-ftehim irid jiġi approvat formalment kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill.

Din l-aħbar ingħatat b’kollaborazzjon mal-uffiċċju f’Malta tal-Parlament Ewropew