Lokali

Il-Partit Laburista għandu jieqaf jigdeb lill-Maltin u l-Għawdxin

Il-fatt li l-Partit Laburista qiegħed f’paniku għax qed jara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg huwa kredibbli, u qed iżomm kelmtu – issa anke fuq l-accounts tal-PN – mhuwiex skuża biex il-Labour ikompli jigdeb u jivvinta.

Kif wiegħed Alex Borg matul il-kampanja għal Kap tal-Partit, il-PN se jkun qed jissottometti l-accounts tiegħu fl-ewwel 100 jum ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Wara li ilhom tliet xhur jitfgħu d-dubji dwar dan, issa, għax indunaw li se jaqgħu għaċ-ċajt, tal-Labour ivvintaw gidba oħra.

Il-Partit Nazzjonalista, għall-kuntrarju tal-Partit Laburista, dejjem jimxi mal-istatut tiegħu. U hekk għamel ukoll fil-każ tal-kontijiet awditjati tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Partit Laburista u lil Robert Abela biex minflok iqattgħu l-ġurnata tagħhom jaraw x’gideb se jivvintaw dwar il-PN, jiffukaw fuq kif se jindirizzaw il-problemi veri tal-familji Maltin u Għawdxin.

Barra dan, ikun tajjeb kieku Robert Abela u l-Partit Laburista jgħidulna meta se jippubblikaw ir-rendikont tal-infiq li għamel l-istess Robert Abela fil-kampanja tiegħu biex laħaq mexxej tal-Partit. Għax minkejja li issa għaddew kważi sitt snin, il-poplu għadu qed jistenna risposta.