Bħala parti mill-attivitajiet tal-Jum Dinji għad-Dirttijiet tal-Bniedem, li ħabat ilbieraħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ Drachma Parents, il-Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM) u Checkpoint Malta.
Din il-laqgħa saret bħala sinjal tal-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jkompli jsaħħaħ id-djalogu miftuħ mas-soċjetà ċivili u li jħares id-dinjità u l-ġid ta’ kull persuna.
Matul id-diskussjoni, l-organizzazzjonijiet ippreżentaw il-prijoritajiet tagħhom u l-isfidi li jiffaċċjaw diversi persuni f’Malta, fosthom minoritajiet u l-komunità LGBTIQ+. Sfidi li jinkludu kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza, aċċess għas-servizzi tas-saħħa, l-HIV, l-aċċess għal servizzi ta’ appoġġ u r-realtajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-PN tenna mill-ġdid l-impenn tal-Partit Nazzjonalista lejn ir-rispett, l-inklużjoni u d-dinjità tal-bniedem, filwaqt li saħaq li d-drittijiet tal-bniedem huma universali u ma jistgħux jiġu nnegozjati. Enfasizza li l-involviment kontinwu mal-partijiet interessati hu essenzjali biex il-politika tkun ibbażata fuq realtà konkreta.
Irrefera wkoll għall-impenn tal-PN li jkompli jsaħħaħ is-servizzi tas-saħħa sesswali, inkluż l-impenn tiegħu li jiżgura PrEP b’xejn, it-tisħiħ tas-servizzi fil-komunità u l-għarfien li l-liġijiet eżistenti dwar l-ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni għandhom jinfetħu bis-sħiħ fil-prattika.
Akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku Graziella Attard Previ u mill-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs PN (FOIPN) Jamie Vella flimkien mal-membru tal-FOIPN Maria Victoria Theuma, Alex Borg irringrazzja lill-organizzazzjonijiet għall-kontribut kontinwu tagħhom lis-soċjetà Maltija.
Hu esprima r-rieda tal-Partit Nazzjonalista li jkompli jżomm djalogu strutturat u regolari biex il-politika tinbena fuq evidenza, kompassjoni u ġustizzja.
//= $special ?>

