Internazzjonali

In-Norveġja: Machado tisfida lil Maduro għal mumenti memorabbli f’Oslo

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Veneżwela, María Corina Machado, ippreżentat ruħha fil-pubbliku għall-ewwel darba minn Jannar  wara li hi vvjaġġat lejn in-Norveġja biex tirċievi l-Premju Nobel għall-Paċi. Machado ilha tmexxi l-ġlieda favur id-demokrazija u kontra l-awtoritarjaniżmu fil-Veneżwela u kellha tgħix għal dawn l-aħħar xhur bil-moħbi minħabba t-theddid kontra ħajjitha.

Hi, fl-aħħar sigħat, ikkummentat mal-media li kienet konxja li ssugrat bil-kbir biex tagħmel il-vjaġġ lejn Oslo – u fejn hi ħarġet issellem lill-partitarji li nġabru barra l-lukanda fejn kienet alloġġjata fil-kapitali Norveġiża. Machado, fil-fatt, anki xxabbtet mal-barrikati tas-sigurtà biex tingħadad man-nies, fost il-ferħ tal-folla.

Il-Gvern tal-Veneżwela, immexxi mill-President Nicolas Maduro, kien ipprojbixxa lil Machado, li għandha 58 sena, milli tivvjaġġa barra pajjiżha, fost twissija li hi tispiċċa uffiċjalment irreġistrata bħala ‘persuna li ħarbet mill-ġustizzja’ f’każ li hi tisfida d-direttiva – u kif fil-fatt, għamlet.

L-Istitut tan-Nobel fin-Norveġja, din is-sena, iddeċieda li jippremja lil Machado b’rikonoxximent ‘tat-taqbida tagħha biex twassal għal bidla ġusta u paċifika minn dittatorjat għal demokrazija’.

Aktar kmieni, nhar l-Erbgħa, bintha, Ana Corina Sosa, kienet aċċettat in-Nobel għall-Paċi f’isem ommha minħabba ċ-ċirkustanzi diffiċli li Machado qed ikollha tiffaċċja minn jum għal jum.