Lokali Qorti

Jammetti li ffastidja lill-eks sieħba tiegħu għax ma aċċettax li ma tridx tkompli bir-relazzjoni

Raġel ta’ 50 sena miż-Żejtun imma li joqgħod il-Qrendi tressaq quddiem il-Maġistrat Gianella Busuttil u ammetta li wettaq fastidju persistenti lejn l-eks sieħba tiegħu. Skont l-akkużi, il-mġiba tiegħu seħħet bejn it-22 ta’ Ġunju u d-9 ta’ Diċembru, fosthom okkażjonijiet fejn il-fastidju tiegħu wassal biex il-mara tiġi segwita bil-moħbi.

Fir-rigward ta’ każ partikolari fl-8 ta’ Diċembru bejn il-5.00 p.m. u s-6.00 p.m. fil-Mosta, kien hemm ukoll akkużi ta’ insult u theddid. L-allegat vittma rrakkuntat mal-Pulizija mera marret tagħmel ir-rapport kif l-akkużat kien imur ripetutament fejn kienet taħdem u kellu wkoll saħansitra daħal f’battibekku mas-security tal-istess post tax-xogħol.

Id-difiża, immexxija mill-Avukat Arthur Azzopardi, spjegat li l-klijent kien għadu ma riedx jaċċetta li r-relazzjoni ntemmet u għalhekk baqa’ jersaq lejn il-post tax-xogħol tal-mara bit-tama li jirranġa r-relazzjoni.

L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih b’mod bikri. Il-prosekuzzjoni u l-avukat qablu li ma seħħet l-ebda vjolenza fiżika u saret talba li tingħata sentenza sospiża fil-minimu tagħha, flimkien ma’ ordni ta’ protezzjoni għall-mara u għar-raġel li kien involut fl-inċident.

L-Avukat Azzopardi qal li l-akkużat jaqbel ma’ sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sena u li għandu jkun ipprojbit milli jersaq lejn is-supermarket fejn taħdem l-eks sieħba, hekk kif “hemm ħafna supermarkets oħra minn fejn jixtri u mhux se jmut bil-ġuħ”. Id-difiża talbet ukoll li ma tiġi imposta ebda multa minħabba l-mezzi finanzjarji limitati tal-akkużat, li jaħdem bħala mekkanik.

Il-Maġistrat osservat li l-akkużat għandu r-reċediva. F’dan il-kuntest, il-Prosekutur Omar Zammit talab korrezzjoni fl-akkuża biex jiġu emendati l-artikoli tal-liġi applikabbli, speċjalment fid-dawl ta’ multa preċedenti li għadha mhux imħallsa iżda li l-akkużat għandu ċans iħallsaha fi żmien tliet snin.

Wara għadd ta’ diskussjonijiet dwar il-piena d-difiża talbet li jsir pre-sentencing report fil-konfront tal-akkużat, liema talba kienet milqugħa mill-Qorti, li qieset ukoll l-ammissjoni, iċ-ċirkostanzi personali u l-fatt li l-akkużat ma wera l-ebda vjolenza fiżika.

Id-difiża għamlet talba għal bail sakemm jitlesta l-pre-sentencing report u dan ġie milqugħ fuq garanzija personali ta’ elfejn ewro. Il-prosekuzzjoni għamlet talba li ġiet milqugħa. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara u għas-security involut.