Lokali

L-ewwel laqgħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista mal-Arċisqof

Ritratt: Martin Agius

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg żar lil Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna fil-Kurja Arċiveskovili fil-Furjana – fejn kellu l-ewwel laqgħa tiegħu miegħu minn kemm ilu li laħaq fil-kariga.

Matul din il-laqgħa, Monsinjur Arċisqof feraħ lil Alex Borg għall-ħatra tiegħu u x-xogħol siewi li qed jagħmel. Hu faħħar l-impenn ta’ Alex Borg li jkun viċin in-nies il-ħin kollu u kkummenta dwar l-importanza li l-politiku jkun dejjem qrib in-nies u jisma’ l-bżonnijiet u l-preokkupazzjonijiet tagħhom.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-PN tkellem dwar iż-żjara li għamel fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas immexxi minn Caritas Malta. U spjega lill-Arċisqof kif se jkompli jħaddem politika li tassigura li kull min qed jaffaċċja sfidi soċjali ma jitħalliex waħdu fis-soċjeta.

L-Arċisqof ukoll għamel referenza għall-ħidma qawwija li twettaq il-Caritas u ddeskriviha bħala ‘brand’ importanti tal-Knisja f’Malta li twettaq ħafna xogħol fost dawk li jinħakmu mill-vizzji. Hawnhekk fakkar lill-mibki Monsinjur Victor Grech.

Preżenti għal din il-laqgħa li kellu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista mal-Arċisqof kien hemm ukoll l-Isqof Awżiljarju Monsinjur Joe Galea-Curmi.