Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Malta, Anġlu Farrugia, indirizza l-isfidi ewlenin għas-sigurtà globali b’enfasi partikolari fuq theddid li jseħħ online – dan seħħ waqt il-parteċipazzjoni tiegħu fil-Parliamentary Security-Intelligence Forum li sar f’Washington, bejn id-9 u l-10 ta’ Diċembru.
Il-Forum ġab flimkien parlamentari, uffiċjali tas-sigurtà u mexxejja politiċi minn madwar id-dinja biex jiddiskutu l-migrazzjoni, il-finanzjament illeċitu u t-teknoloġiji ġodda.
Fid-diskors tiegħu dwar il-migrazzjoni, l-Ispeaker Farrugia tenna li għal Malta, il-migrazzjoni hija “esperjenza konkreta ta’ kuljum”. Dan minħabba l-pożizzjoni tagħna fil-Mediterran.
Huwa enfasizza li l-migrazzjoni irregolari tibqa’ waħda mill-aktar kwistjonijiet umanitarji u ta’ sigurtà urġenti għall-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.
Fil-kontribut tiegħu dwar il-finanzjament illeċitu, l-Ispeaker Farrugia ddeskriva l-kriminalità finanzjarja bħala theddida li “tirrovina l-istituzzjonijiet u ddgħajjef id-demokraziji.” L-Ispeaker tenna li t-traffikar tal-bnedmin sar wieħed mis-sorsi finanzjarji li jżommu t-terroriżmu, billi jiġġenera qligħ illeċitu permezz ta’ xogħol sfurzat u sfruttament sesswali fost oħrajn.
Anglu Farrugia sejjaħ għal sforz koordinat biex tissaħħaħ il-governanza teknoloġika, u jiġi żgurat li d-dinjità umana tibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull qafas regolatorju.
//= $special ?>

