Il-Konkors tal-Kanzunetta tal-Eurovision għaddej mill-aktar żmenijiet diffiċli mindu, fl-1956, sar l-ewwel avveniment ta’ dan it-tip li jiċċelebra l-mużika bħala estensjoni tal-fratellanza u ħbiberija bejn il-pajjiżi tal-Ewropa.
Dan meta l-Iżlanda, fl-aħħar sigħat, saret l-aħħar pajjiż li konferma li se jibbojkottja l-Eurovision li għandu jsir f’Mejju tas-sena d-dieħla.
B’din id-deċiżjoni l-Iżlanda ssieħbet ma’ Spanja, l-Irlanda, is-Slovenja u l-Olanda li, qabel, ukoll kienu rtiraw il-parteċipazzjoni tagħhom mill-konkors.
L-irtirar tal-Irlanda hi partikularment sinifikanti peress li dan hu l-pajjiż li, tul is-snin rebaħ l-aktar edizzjonijiet tal-Eurovision… Rekord (7) li l-Irlandiżi qegħdin jaqsmu mal-Iżvezja.
Sadanittant, il-grupp tal-pajjiżi ‘ribelli’ qed jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ Iżrael fil-Eurovision kienet ikkonfermata, uffiċjalment, matul il-ġimgħa li għaddiet — u meta huma kienu qed jistennew li aktar pajjiżi kienu se jsegwu l-passi tagħhom.
Stefan Eiriksson, id-Direttur-Ġenerali tax-xandar nazzjonali RUV tal-Iżlanda, waqt li kkonferma l-bojkott, qal li ‘ma hemm l-ebda paċi jew ferħ relatat mal-konkors tal-Eurovision li jmiss minħabba ċ-ċirkustanzi preżenti….’ U fuq din il-bażi, l-Iżlanda qed tirtira mill-konkors dment li s-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi.
Dan ukoll meta l-kampanja militari tal-Iżraeljani u t-tkomplija tal-qtil fil-Medda ta’ Gaza huma raġunijiet ewlenin għad-deċiżjonijiet drastiċi mill-pajjiżi inkwistjoni.
Fl-istess ħin, l-RUV ħareġ stqarrja fis-sens li ‘il-parteċipazzjoni ta’ Iżrael fil-Eurovision ħoloq id-diżgwid fost il-membri tal-European Broadcasting Union (EBU) u l-pubbliku ġenerali.’”
Dan il-pass mill-Iżlanda, sadanittant, ittieħed sigħat biss qabel id-deadline għall-pajjiżi biex jikkonfermaw jekk humiex se jissieħbu fl-edizzjoni tal-Eurovision tas-sena d-dieħla…Avveniment li suppost jiċċelebra s-70 anniversarju minn wara l-ewwel konkors fl-istorja tal-mużika Ewropea.
B’hekk ukoll, l-Iżlanda, x’aktarx, se tkun l-aħħar pajjiż Ewropew li qed iħabbar li ‘ma jridx jaf’ bil-parteċipazzjoni fil-konkors ta’ Mejju li ġej.
Min-naħa tiegħu, Martin Green, id-direttur tal-Eurovision, qal li d-diretturi tal-Konkors jirrispettaw id-deċiżjonijiet tax-xandara kollha tal-kontinent li għażlu li ma jieħdux sehem fl-edizzjoni tal-2026 u meta qegħdin jawguraw li jilqgħu lura lill-pajjiżi inkwistjoni mill-aktar fis.
Il-preżenza ta’ Iżrael fil-Eurovision, fil-verità, kienet ilha toħloq it-tensjoni, fost il-kritika minn diversi sorsi.
Dan mhux biss minħabba l-kaos u d-dmija ta’ Gaza iżda anki minħabba t-tħassib dwar il-proċessi għall-promozzjoni tal-kanzunetti u l-votazzjonijiet finali – fost l-akkużi li l-Gvern Iżraeljan kien ipprova jinfluwenza l-vot tal-pubbliku waqt il-Eurovision ta’ din is-sena.
Sadanittant, il-ġimgħa l-oħra, kienu approvati diversi miżuri ġodda bil-għan li jipproteġu l-integrità tal-vot waqt summit tal-EBU. Fl-istess ħin, il-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej, issa, ikkonfermaw li għandhom jibgħatu lir-rappreżentanti rispettivi għall-Eurovision 2026 li għandha ssir fi Vienna, il-kapitali tal-Awstrija.
//= $special ?>
