Lokali Qorti

Mhux ħatja li serqet arloġġ Rolex li jiswa €7,000 lill-eks sieħeb tagħha

Mara ġiet meħlusa mill-akkużi li serqet arloġġ Rolex li jiswa €7,000 lill-eks sieħeb tagħha u li użat theddid fil-konfront tal-allegat vittma sitt snin ilu. Evelyn Micallef dejjem ċaħdet l-akkużi kollha ta’ serq u ta’ aggressjoni.

L-eks sieħeb tagħha, Mario Ellul, kien għamel rapport f’Ġunju tal-2019, fejn allega li x-xahar ta’ qabel, Micallef marret id-dar ta’ ommu 10 ijiem wara li ntemmet ir-relazzjoni bejniethom u serqet l-arloġġ minn fuq it-tavolina ħdejn is-sodda waqt li kien rieqed.

Malli induna li kienet fil-kamra tiegħu, Ellul segwejha sa barra mid-dar u talabha lura l-arloġġ. Hi daħlet f’karozza misjuqa minn bintha. L-investigazzjonijiet li saru mill-pulizija wrew li l-arloġġ kien inxtara minn Micallef fit-30 ta’ Novembru tal-2018 bi prezz ta’ €7,000.

Hija qalet li xtrat l-arloġġ minn parti mill-flus li kisbet wara li kienet biegħet id-dar tagħha. Lil pulizija spjegat li Ellul kien daħħalha fil vizzju tad-droga waqt ir-relazzjoni tagħhom, u li kienet xtrat l-arloġġ għalih taħt il-wegħda li kien se jħallasha lura.

Il-garanzija tal-arloġġ kienet f’isem Ellul, iżda r-riċevuta kienet f’isimha. Hija żammet ir-riċevuta u kienet se tirritornaha lilu ladarba jħallas lura l-prezz tal-arloġġ. Micallef qalet li ħadet l-arloġġ għax kien tagħha, u allegat ukoll li Ellul beda jagħtiha d-daqqiet qabel telqet mid-dar.

Matul il-kawża, ħareġ li kien hemm rapport dwar argument bejnithom u rapport separat f’Ġunju tal-2019 dwar is-serq allegat. Ellul qal fil-qorti li kien taha €10,000 biex tixtrilu arloġġ, iżda hu ma riedx dak li xtrat. Qal ukoll li ma kienx jaf jekk il-garanzija hijiex f’ismu.

Hu ċaħad li Micallef xtrat l-arloġġ b’flusha u semma rigali li kien ġabilha minn Amsterdam, fosthom ‘hand bag’ Louis Vuitton li tiswa bejn €3,200 u €3,400, kif ukoll ċrieki. Skont hu, l-arloġġ kien inxtara fi Frar jew Marzu tal-2018.

Il-qorti sabet ix-xhieda ta’ Ellul inkonsistenti u diffiċli biex temminha, billi ma setax jagħti dettalji dwar l-allegati €10,000 li qal li ta’ lil Micallef biex tixtrilu l-arloġġ. Ma setax lanqas jiftakar għal kemm kienu flimkien u meta marru jgħixu flimkien.

Il-qorti osservat ukoll li r-rapport ta’ serq sar xahar u tlett ijiem wara l-allegat serq, filwaqt li sar rapport separat dwar l-argument, u rrimarkat li “forsi għamel hekk għax kien jaf li kellu jħallasha għall-arloġġ.” Barra minn hekk, fil-karta tal-pulizija, ir-raġel kien iddikjara li ġie misruq arloġġ li jiswa €9,700, iżda fil-qorti qal li jiswa €10,000.

Il-qorti għaldaqstant illiberat lil Micallef mill-akkuża ta’ serq billi r-reat ma nġabx ippruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli, peress li baqa’ dubju dwar jekk hijiex ħadet lura xi ħaġa li kienet tagħha stess u li Ellul ma kienx ħallas għaliha. Il-kawża saret quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.