Lokali

Minn ħabs għal libertà kundizzjonata fuq manteniment

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, bidlet sentenza ta’ ġimgħa ħabs għal waħda ta’ libertà kundizzjonata fil-konfront ta’ raġel li kien mixli li naqas milli jħallas il-manteniment għax-xahar ta’ Jannar 2024 fi żmien il-15-il jum stipulat. Madankollu rriżulta li eventwalment kien wettaq il-ħlas tal-manteniment lil martu.

Fl-20 ta’ Ottubru 2025, il-Qorti tal-Maġistrati sabitu ħati u kkundannatu ġimgħa ħabs. Huwa appella mis-sentenza, jitlob jew li tiġi revokata kompletament jew li tiġi mitigata l-piena. Il-Qorti tal-Appell analizzat it-tliet aggravji mqajma mir-raġel.

Fuq l-ewwel aggravju, l-appellant sostna li qatt ma ried jaħrab mill-obbligu tiegħu iżda kien impossibbli li jaffettwa l-ħlas minħabba li finanzjarjament kien batut għax kien diżokkupat. Il-Qorti ċaħdet dan l-argument u qalet li jekk persuna ssib ruħha f’diffikultà biex tħallas il-manteniment, għandha tirrikorri quddiem il-Qorti Ċivili u titlob varjazzjoni tad-digriet, u mhux tieħu l-liġi f’idejha u twaqqaf il-ħlas waħedha.

It-tieni aggravju kien li l-ammont dovut bħala manteniment kien fil-fatt tħallas kollu qabel is-sentenza tal-ewwel istanza, iżda ma ġietx ippreżentata nota quddiem il-Qorti tal-Maġistrati minħabba żball. Il-Qorti osservat li, għalkemm l-ewwel Qorti kienet tat lill-partijiet l-opportunità biex jinnotifikawha b’dawn il-ħlasijiet, xejn ma tniżżel fl-atti.

Għaldaqstant, il-maġistrat kellha tiddeċiedi fuq il-bażi tal-proċess kif kien, jiġifieri mingħajr prova ta’ ħlas. Dan l-aggravju għalhekk ġie miċħud ukoll. It-tielet aggravju kien dwar il-piena impostata. Muscat sostna li l-piena ta’ ġimgħa detenzjoni kienet iebsa wisq fid-dawl tal-fatt li kien ammetta l-ħtija mill-ewwel u, iktar importanti, li kien issa ħallas l-ammont kollu tal-manteniment.

Fil-fatt, matul is-smigħ tal-appell, kemm il-konsulent legali tal-appellant kif ukoll dak tal-parte ċivili kkonfermaw li l-ħlas sar kollu, u l-parte civile stess iddikjarat li ma kellha l-ebda pretensjoni aktar fil-konfront tiegħu u rrinunzjat għal dak li l-liġi tippermetti li jiġi rinunzjat.

Il-Qorti qalet li għalkemm il-kontravvenzjoni hija waħda ta’ ordni pubbliku u ma tiġix estinta permezz ta’ rinunzja privata, xorta waħda l-għan tal-leġiżlatur taħt l-Artikolu 338(z) kien li jiġi eżerċitat pressjoni sabiex il-manteniment jitħallas, aktar milli jsir kastig bħala għan fih innifsu. Peress li l-ammont kollu tħallas, il-Qorti rat li hemm lok li tintervjeni fil-piena.

B’riżultat ta’ dan kollu, il-Qorti laqgħet l-appell parzjalment. Hija kkonfermat is-sejbien tal-ħtija iżda bidlet il-piena. Minflok il-ġimgħa ħabs imposta mill-Ewwel Qorti, il-Qorti tal-Appell applikat l-Artikolu 22 tal-Kap. 446 u lliberat lill-akkużat taħt kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien sitt xhur mid-data tas-sentenza.