“Irridu naraw kif se nsibu bilanċ bejn il-privat u s-servizzi pubbliċi fis-settur tas-saħħa, biex flimkien jaħdmu f’armonija u joffru servizz ta’ saħħa aħjar lil-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, waqt żjara li għamel fis-St Thomas Hospital, f’Ħal Qormi. Fejn iddawwar ma’ wħud mill-faċilitajiet ta’ dan l-isptar, inkluż l-emerġenza, il-kamra tar-radjoloġija u s-servizz tac-CT scan.
Matul din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar is-servizz illi ħabbar il-Gvern li se jagħti lok lil persuni sabiex jiffriżaw il-gameti tagħhom għall-proċess tal-IVF.
Hawnhekk Alex Borg, spjega kif minkejja li l-Partit Nazzjonalista huwa favur il-ħajja u għalhekk favur l-IVF… dan is-servizz tnieda mingħajr konsultazzjoni mal-esperti. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, semma kif barra minn xtutna l-eta medja sabiex wieħed jiffriża l-gameti tiegħu hija ta’ 31 sena filwaqt li hawn Malta l-Gvern għamilha minn 18 sa 34 sena.
Iirrimarka kif persuna ta’ 18-il sena ma tgħaddiliex minn moħħha li jaf tkun infertili; u li xi darba se jkollha tirrikorri għall-IVF.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg kellu laqgħa mal-Kap Eżekuttiv Angele Falzon, it-tabiba u direttur mediku Kristine Buhagiar u t-tabib Louis Buhagiar – fejn tkellmu fuq diversi suġġetti fosthom dwar l-estensjoni li se jagħmlu hekk kif id-domanda għas-servizz tas-saħħa dejjem qed tikber.
Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-avviż legali li se jwassal għal żidiet fit-tariffi fuq ir-reġistrazzjoni tal-mediċini.
Sostna kif il-Partit Nazzjonalista qed jara li l-prezzijiet ma jogħlewx, għaliex dan se jkun qed jitfa’ pressjoni kbira fuq kulħadd.
F’kumment lil Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg tenna fis-settur tas-saħħa, għandna investiment mill-privat – u din hija xi ħaġa kruċjali għax jemmen ħafna li jrid ikun hemm ftehim bejn il-Gvern u l-privat; għax meta dan isir b’mod korrett jista’ jkun ta’ benefiċċju u ta’ suċċess għal poplu Malti u Għawdxi kollu.
Matul din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għas-Saħħa, Stephen Spiteri.
//= $special ?>

