Angelo Micallef
Fl-aħħar jiem il-President Amerikan Donald Trump ta’ intervista interessanti ferm lis-sit politiku ta’ fama globali Politico. Intervista interessanti għax fiha Trump tkellem dwar numru ta’ temi internazzjonali fosthom dwar il-mossi tal-Istati Uniti fil-konfront tad-dittatorjat fil-Veneżwela, il-mossi diplomatiċi tal-Istati Uniti fejn tidħol il-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna u l-ħsibijiet tiegħu fil-konfront tal-Ewropa.
Intervista li tiġi propju fl-isfond ta’ dokument ġdid mill-amministrazzjoni ta’ Trump, liema dokument huwa intiż biex juri biċ-ċar il-politika Amerikana fl-isfera internazzjonali. Dokument ta’ tlieta u tletin paġna li ġie milqugħ b’mod pożittiv miċ-Ċina, hekk kif l-Istati Uniti ddeskriviet liċ-Ċina bħala rivali ekonomiku imma naqset milli tniżżel liċ-Ċina bħala theddida militari; ġie milqugħ b’mod pożittiv ħafna mir-Russja, li qalet li hemm ħafna komuni bejn il-viżjoni politika ta’ Moska u dik ta’ Washington, u ġie milqugħ bi tħassib serju mill-Ewropa.
Dan hekk dan id-dokument kellu kliem iebes ferm għall-Ewropa; kliem iebes li lissen ukoll Trump fl-intervista ma’ Politico. L-Ewropa li ġiet deskritta bħala zona bi tmexxija dgħajfa, li qed tisparixxi, u li hija mifnija biċ-ċensura u b’politika skorretta għalkollox.
Huwa ċar li Trump u l-amministrazzjoni tiegħu ma jarawx fl-Ewropa alleat imma jaraw forza politika ta’ stmerrija kbira.
Huwa ċar li Trump u l-amministrazzjoni tiegħu huma kuntenti jħokku l-ispallejn ma’ Putin u Jinping u skomdi ferm jitkellmu mal-mexxejja Ewropej.
Huwa ċar li għal Trump, l-Ewropa la għandha valur u wisq inqas importanza. Huwa ugwalment ċar anzi li min-naħa ta’ Trump hemm kważi kważi xewqa li jkun hemm kollass fl-Ewropa tal-Unjoni Ewropea. Dan joħroġ biċ-ċar anki minn dak li stqarr riċenti l-ħabib ta’ Trump, Elon Musk li sejjaħ biex l-Unjoni Ewropea tiġi abolita.
Inkunu indipendenti mill-Istati Uniti
Qed isir dejjem aktar ċar li l-Istati Uniti m’għandhiex titqies aktar bħala xi alleat ta’ min wieħed jorbot fuqu.
Qiegħed isir dejjem aktar ċar li jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra fil-madwar nibdew naħdmu id f’id biex politikament, ekonomikament u f’termini ta’ difiża nkunu indipendenti mill-Istati Uniti, u ħielsa minn kull sens ta’ dipendenza assoluta fuq l-Istati Uniti.
Qed isir aktar ċar li filwaqt li huwa dejjem aħjar li jkun hemm relazzjoni ta’ ħbiberija mal-Istati Uniti, jeħtieġ li nieqfu naraw l-Istati Uniti bħala l-alleat li wieħed jista’ dejjem jorbot fuqu.
Huwa ċar kristall anzi li jeħtieġ li nibagħtu numru ta’ messaġġi ċarissimi lil Washington D.C. Huwa ċar li jeħtieġ li nuru lil Washington D.C. li l-Istati Uniti m’għandha l-ebda dritt tindaħal fil-politika Ewropea. Huwa ċar li jeħtieġ li nuru lil Washington D.C. li m’aħniex lesti nkunu l-pupazzi ta’ Trump u m’aħniex lesti nċedu l-valuri tagħna sempliċement għax ma jdoqqux ħlejju għal widnejn Trump u sħabu. Huwa ċar li jeħtieġ li nuru lil Washington D.C. li aħna sodi, determinati u m’għandniex bżonn nitkarrbu lill-Istati Uniti.
Kull min jafni sew jaf li tradizzjonalment jien kont dejjem persuna li nħares b’mod pożittiv ħafna lejn l-Istati Uniti. Kull min jafni sew jaf ukoll li tradizzjonalment jien kont dejjem nissimpatizza ferm aktar mar-Repubblikani milli mad-Demokratiċi. Għalhekk ngħid dan il-kliem iebes mhux b’xi sens ta’ odju lejn l-Istati Uniti jew lejn il-Partit Repubblikan imma għaliex bħala Ewropew ma nista’ naċċetta qatt li niġu trattati b’dal-mod u li jkollna talba biex essenzjalment inċedu l-valuri tagħna.
Qatt ma kont, u probabbli qatt ma jien se nkun segwaċi tas-Senatur Soċjalista Bernie Sanders, anzi ma’ Sanders ftit li xejn naqbel. Imma xi kultant, once in a blue moon anki ma’ min normalment ma taqbilx issib xi xrara żgħira ta’ qbil. Fuq id-dokument tal-amministrazzjoni ta’ Trump u l-kliem li lissen Trump ma’ Politico, Sanders stqarr li Trump għandu antipatija għall-Ewropa għax fl-Ewropa hemm sistema universali tas-saħħa, sistema ta’ servizzi soċjali b’saħħitha u sistema b’saħħita ta’ trade unions.
Kompla jistqarr li Trump huwa aktar komdu ma’ dittatorjati brutali. “What a betrayal of American values!” temm jgħid Sanders. Għal darba qbilna!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 11 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

