Jiem biss wara li Lando Norris sar champion tad-dinja għall-ewwel darba fl-istorja tal-Formula 1, il-kollega tiegħu fit-tim tal-McLaren, is-sewwieq Oscar Piastri, qal li Norris “ma sarx Superman”.
Piastri, li fil-klassifika finali tas-sewwieqa fit-tmiem tal-istaġun 2025 temm fit-tielet post, 13-il punt biss taħt Norris, spjega li fl-istaġun li ġej qed jistenna li l-McLaren tkompli tittratta lis-sewwieqa tagħha “b’ġustizzja u ugwaljanza”.
Wara s-suċċess ta’ Norris, bosta kummentaturi esprimew it-teorija li r-rebħ tal-kampjonat mis-sewwieq Ingliż jista’ jwassal għal trattament preferenzjali għalih fl-2026 u lil hinn, iżda Piastri ċaħad bil-qawwa din l-ipoteżi.
“Ma naħsibx li dan se jibdel xi ħaġa,” qal Piastri wara li nhar il-Ħadd li għadda temm fit-tieni post fl-aħħar Gran Prix ta’ Abu Dhabi.
“Naturalment, Norris kellu staġun aqwa minni u kien jistħoqqlu jirbaħ it-titlu ta’ champion tad-dinja, imma xorta waħda jibqa’ Lando Norris u ma sarx Superman,” żied jgħid is-sewwieq Awstraljan.
Piastri ma jemminx li wara li Norris kiseb dan l-akbar suċċess tal-karriera tiegħu, l-affarijiet se jinbidlu mill-istaġun li ġej. “Qed nistenna ġustizzja sħiħa mit-tim u ugwaljanza fil-mod kif nimxu ’l quddiem,” sostna s-sewwieq li ddebutta fil-Formula 1 fl-2023.
Piastri, li għandu 24 sena, sal-lum kkompeta f’70 tiġrija, rebaħ disa’ darbiet u tela’ fuq il-podium 26 darba. Huwa għamilha ċara li m’għandu l-ebda tħassib li l-McLaren se tagħti vantaġġ lil Norris fl-istaġun 2026.
“Norris kellu staġun b’saħħtu ħafna din is-sena, u fl-aħħar mill-aħħar wettaq xogħol aħjar,” temm jgħid Piastri, li dan l-istaġun li għadu kemm intemm kien it-tielet tiegħu fil-Formula 1 u mal-McLaren.
M’hemmx dubju li l-2025 kienet l-aqwa sena ta’ Piastri sa issa fil-Formula 1, fejn kiseb seba’ rebħiet u tejjeb il-pożizzjoni finali tiegħu fil-klassifika tas-sewwieqa b’post wieħed.
Is-sena ta’ qabel, Piastri kien ikklassifika fir-raba’ post wara li kien kiseb l-ewwel żewġ rebħiet tal-karriera tiegħu fil-Formula 1.
//= $special ?>

