Lokali Qorti

Raġel estradit lejn Malta fuq serq ta’ b’kemm jiswew €180,000 f’mowbajls jingħata l-pleġġ

Raġel li kien estradit lura Malta f’Mejju tal-2025 minħabba sensiela ta’ serqiet li seħħew fl-2023 ingħata l-libertà proviżorja l-Ħamis. Iulian Dinca, Rumen ta’ 35 sena – kien tressaq il-Qorti f’Mejju biex jiffaċċja akkużi relatati ma’ sensiela ta’ serqiet fis-sajf tal-2023, meta ġew misruqa madwar €180,000 f’mowbajls.

Allegatament, Dinca kien parti minn grupp ta’ erba’ irġiel li fethu bil-forza u serqu minn ħames ħwienet tal-elettronika, waqt li f’minuti żvojtaw l-ixkafef tagħhom. L-ewwel membru tal-grupp tressaq il-Qorti f’Jannar 2025, u ħames xhur wara, Dinca wasal Malta taħt Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Il-Qorti Kriminali qieset l-istadju li kienu waslu fih il-proċeduri, kif ukoll ix-xhieda ta’ diversi persuni li ġew imsejħa mid-difiża, illi minnha rriżulta li l-imputat għandu residenza, impjieg potenzjali u għajnuna finanzjarja.

Il-Qorti osservat li ma kien hemm l-ebda biża’ li l-imputat jindaħal fl-evidenza, peress li l-maġġoranza tax-xhieda diġà nstemgħu u l-provi ġew ippreservati. B’hekk, il-libertà proviżorja ngħatat kontra depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €20,000.

L-imputat ġie ordnat jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kuljum u ġiet imposta wkoll fuqu ‘curfew’. L-Imħallef Edwina Grima ppresediet il-Qorti Kriminali. L-avukati tal-AĠ Andrea Zammit u Brendan Rhys Hewer mexxew il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Herman Mula dehru għal Dinca.